Net News irnexxielu jakkwista filmat minn sensiela li jinsabu f’idejn il-Pulizija u li juru lil wieħed mill-ħallelin li għall-aħħar ġimgħat assedjaw lir-Rabat u l-irħula fil-qrib.
Fl-aħħar jiem kienu diversi r-residenzi li spiċċaw misruqa minn din il-persuna, waqt li residenzi oħra skansawha meta l-ħalliel ma rnexxielux jikseb aċċess. Fost dawn, il-blokka tal-appartamenti li tidher fil-filmat.
Il-ħalliel, liebes ilbies skur, jidher jipprova jiftaħ il-bieb tal-komun, li fortunatament hu wieħed sod u ta’ kwalità tant li ma nfetaħx minkejja li l-istess persuna tidher tissara miegħu għal ħin twil.
Kif jidher fil-filmat, ir-raġel ħa ħsieb jilbes berritta u jgħatti rasu b’hoodie waqt li qatt ma jgħolli rasu b’tali mod li wiċċu ma jidhirx fil-filmati. Din hi xi ħaġa li qed tagħmilha diffiċli għall-Pulizija biex ikun identifikat.
Net News bagħat mistoqsijiet lill-Pulizija fejn staqsejna kemm seħħew serqiet jew attentati fl-aħħar tliet xhur. S’issa għadna bla risposta, għalkemm ninsabu nfurmati li kien hemm mill-inqas għaxar każi fl-aħħar tliet ġimgħat biss.