Futbol Sport

Floriana jagħtu doċċa kiesħa lil Valletta

FLORIANA………………. 2

VALLETTA……………… 0

Floriana: I. Akpan, A. Cini, E. Ruiz, J. Pisani (E. Herrera 67’), A. Oyama, E. Marcelina, B. Paiber (G. Galesic 76’), C. Borg, U. Arias, K. Keqi, T. Galvao da Silva (T. Vella 82’)

Valletta: H. Bonello, E. Pena Beltre, S. Borg, J. Caruana, J. Zerafa, R. Saleh (J. Borg 81’), S. Malano, M. Alba, B. Gavrila (K. Nwoko 58’), M. Fontanella, B. Kaljevic

Imwissija: S. Borg 40’, M. Alba 94’ (V), E. Marcelina 45+2’, K. Keqi 90’ (F)

Skorjaw: B. Paiber 41’, K. Keqi 90’ (F)

Referee: Malcolm Spiteri

Assistenti Referees: Duncan Sultana, Paul Apap

In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Enzo Ruiz (Floriana)

Attendenza: 3,674

Żewġ gowls qabel it-tmiem ta’ kull taqsima, taw id-derby lil Floriana filwaqt li ċaħħdu lil Valletta milli jiftħu vantaġġ ta’ erba’ punti fil-quċċata. Ir-rebħa għal Floriana f’termini ta’ klassifika ftit għamlet differenza iżda żgur li xejn ma niżel aktar għasel milli għelbu lir-rivali eterni.

Valletta kellhom l-inizjattiva tal-logħba iżda ma kienu preċiżi xejn fl-attakki, bid-difensur Enzo Ruiz flimkien ma’ Jurgen Pisani u aktar tard Emerson Marcelina jmexxu d-difiża kompatta li tattikament kienet perfetta.

L-għajja fost xi plejers Beltin li kienu impenjati mat-timijiet nazzjonali jista’ jkun li ħalliet xi ftit effett iżda żgur ma jiskużax il-fatt li f’dawn il-logħbiet fejn qed jisfidaw serjament għar-rebħ tal-kampjonat, ikun mistenni aktar minnhom.

Il-kowċ ta’ Floriana Guido Ugolotti għamel biss bidla mir-rebħa kontra Pietà Hotspurs b’Clyde Borg jibda flok Lucas Vieira da Silva. Fuq in-naħa l-oħra, Danilo Doncic għamel żewġ bidliet mir-rebħa kontra Mosta. Enmy Pena Beltre u Raed Saleh bdew flok Ryan Camilleri u Antonio Monticelli rispettivament, b’Valletta jkollhom neqsin lil Rowen Muscat u Matteo Piciollo.

Kif mistenni, Valletta bdew fuq l-offensiva iżda fl-ewwel minuti ma kinux perikolużi, għajr xutt ta’ Bojan Kaljevic li għadda ftit għoli wara li r-referee Malcolm Spiteri kien saffar fawl qabel. Mal-kwarta logħob waslet l-ewwel azzjoni denja. Miguel Alba qassam mill-ewwel ‘l quddiem lejn Mario Fontanella li minn pożizzjoni angolata dar ma’ Ini Akpan iżda x-xutt finali ħabat man-naħa ta’ barra tax-xibka.

Valletta baqgħu jżommu l-inizjattiva iżda naqsu li jinfdu lid-difiża organizzata ta’ Floriana. Il-Beltin sofrew doċċa kiesħa fil-41 minuta meta Floriana marru fil-vantġġ kontra x-xejra tal-logħob. Kien free-kick minn pożizzjoni ċentrali BRANDON PAIBER li b’intelliġenza għadda l-ballun minn ġo nofs il-barriera u minn bejn Henry Bonello u l-wieqfa, bil-ballun jispiċċa fir-rokna leminija ta’ isfel.

Ir-risposta Beltija sa tmiem l-ewwel taqsima waslet żewġ minuti wara bi kross ta’ Bogdan Gavrila mil-lemin lejn Mario Fontanella iżda d-daqqa ta’ ras tal-attakkant għaddiet ftit barra.

L-andament fit-tieni taqsima baqa’ l-istess b’Valletta jonqsu li jiftħu lid-difiża avversarja. Floriana baqgħu joperaw bil-kontrattakk u f’xi drabi kienu kważi perikolużi li ma kienx għad-difensuri Beltin li nterċettaw xi blalen.

Valletta kważi ġabu d-draw fid-59 minuta b’kumbinazzjoni meta Alex Cini niżżel bir-ras lejn Enzo Ruiz li b’daqqa ta’ ras oħra kien kważi kkommetta awto-gowl iżda Akpan kien attent u tar minn tulu biex salva. Tmien minuti wara Pena Beltre tefa’ kross mil-lemin lejn Santiago Malano iżda d-daqqa ta’ ras tiegħu għaddiet barra.

Ċans tad-deheb għal Valletta fis-87 minuta b’xutt ta’ Jonathan Caruana jkun maqlugħ minn fuq il-linja minn Arthur Oyama fost protesti li d-difensur Furjaniż biegħed il-ballun b’idu. Mill-istess azzjoni, xutt b’saħħtu ta’ Pena Beltre kien blokkat minn Akpan.

Floriana għalqu l-logħba fid-90 minuta meta KRISTIAN KEQI għeleb in-nasba tal-offside u ġera għal ballun fit-tul, daħal fil-kaxxa u ġibed fuq ix-xellug biex għeleb lil Henry Bonello b’xutt sabiħ fost il-ferħ tal-partitarji Furjaniżi.