Lokali

Iċċelebrat il-31 ta’ Marzu

Il-Ħadd filgħodu saret ċerimonja kommemorattiva fl-okkażjoni tal-festa nazzjonali tal-31 ta’ Marzu, ħdejn il-monument fil-Birgu. Iċ-ċerimonja bdiet għall-ħabta tad-disgħa b’marċ mill-banda tal-Forzi Armati tul Triq ix-Xatt f’Bormla.

Wara l-wasla tal-banda u l-kontinġent tal-Forzi Armati quddiem il-monument, wasal il-Kap Kmandant tal-Forzi Armati Jeffrey Curmi. Kien imiss imbagħad il-wasla tal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia u tal-Prim Ministru Joseph Muscat.

Iktar tard imbagħad waslet l-Eċċellenza tagħha l-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca, f’waħda mill-aħħar deheriet tagħha bħala Kap tal-Istat. Dan hekk kif nhar il-Ħamis jieħu l-ġurament tal-ħatra bħala President tar-Repubblika, t-tabib George Vella. Hi spezzjonat il-gwardja tal-unur qabel ma imbagħad kien imiss lill-għola awtoritajiet tal-pajjiż li jpoġġu bukketti tal-fjuri fuq il-monument.

Iċ-ċelebrazzjonijiet matul l-għodwa laħqu l-qofol tagħhom b’quddiesa fil-Knisja Kolleġjata Arċipretali ta’ San Lawrenz fil-Birgu qabel ir-regatta tradizzjonali marbuta mal-31 ta’ Marzu.