Il-pulizija bdiet tissuspetta li Maria Lourdes Bonnici ta’ 70 sena u Angele ta’ 29 sena kienu mejta ftit tal-ħin wara li Joseph Bonnici rraporta l-għajbien tagħhom, dan hekk kif il-verżjonijiet li beda jagħti lill-pulizija ma kienux jaqblu.
Malli l-pulizija urewh bis-suspett tagħhom, hu ammetta u ħadhom fl-għalqa fejn difen il-katavri. Dan hekk kif ftit tal-ħin ilu tressaq il-Qorti Joseph Bonnici ta’ 39 sena, quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello akkużat bil-qtil ta’ ommu u oħtu. Hu nżamm arrestat hekk kif id-diviża m’għamlet l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest.
Hu qiegħed ikun akkużat bi qtil, li bidel traċċi u provi u li ħeba l-katavri kif ukoll li għamel rapport falz. Dan apparti li qed ikun akkużat ukoll li kien fil-pusses ta’ oġġetti li għamlu l-ħsara, li spara arma tan-nar fl-abitat, li ġar arma bla liċenzja u li ma avżaw lill-Kummissarju li għandu arma u munizjon, kif ukoll li kellu apparat biex jgħatti l-ħoss tal-isparatura.
Maria Lourdes u bintha Angele nstabu mejta u midfuna f’għalqa jiem wara li kienu rrappurtati nieqsa, mhux biss inqatlu b’arma tan-nar, iżda nstabu fuqhom sinjali ta’ vjolenza. Tant hu hekk li l-awtopsja sabet li ngħataw diversi daqqiet f’rashom b’oġġett iebes.
Kien għall-ħabta ta’ tas-00:40 tas-Sibt il-Pulizija daħlu f’għalqa fil-limiti tal-Gudja. Malli waslu f’għalqa li tinsab fi Sqaq Santu Kristu, il-Pulizija sabu xena makabra: żewġ nisa maqtula u midfuna taħt l-art.
Fil-jiem li kienu għadhom nieqsa, il-Pulizija tkellmet ma’ għadd ta’ persuni, sakemm saret magħrufa ż-żona ta’ fejn setgħu jinstabu l-omm u l-bint. Hawnhekk sabu ħamrija friska fejn kien evidenti l-post fejn allegatament kienu midfuna. Minnufih il-Pulizija bdew iħaffru u ftit minuti biss wara għamlu sejba makabra.
Fil-fatt, tfittxija matul il-lejl wasslet għas-sejba tal-katavri kważi midfuna għal kollox fl-għalqa fi Trejqet Santu Kristu. Hemm, instab li l-omm u l-bint inqatlu b’tiri ta’ arma tan-nar. Mill-investigazzjoni tal-Pulizija ma jidhirx li vittmi nqatlu fil-post iżda nġarru b’karru.
Intqal li x’aktarx li l-qtil sar b’arma li ġiet immodifikata biex ma nstemgħux it-tiri. Il-Pulizija s’issa għadha la sabet l-arma u lanqas il-karru li ntuża għall-ġarr tal-katavri.
Mill-investigazzjonijiet tal-Pulizija rriżulta li fost oħrajn il-cameras tas-sigurtà mad-dar kienu ntfew fil-ħin li hu maħsub li sar id-delitt.
Ir-rapport li kienu neqsin sar minn Paul Bonnici li jiġi r-raġel u missier il-vittmi rispettivament. Bonnici, li qed jiskonta sentenza ta’ 31 sena ħabs fuq qtil doppju tal-ġirien tiegħu 19 il-sena ilu, għamel rapport wara li naqsu li jżuruh bħas-soltu fil-ħabs.
Maria Lourdes u Angele nqatlu nhar it-Tlieta, b’diversi tiri fid-dar tagħhom fi Triq Santa Marija, f’Ħal Għaxaq, bieb ma’ bieb fejn Paul Bonnici qatel lill-ġirien tagħhom fis-sena 2000. Il-Pulizija, fil-fatt issiġġillat il-garaxx tar-residenza li qed tkun mgħassa mill-pulizija. Waqt l-interrogazzjoni Joseph Bonnici, allega li qatel lil ommu għax jemmen li hija l-kaġun li missieru spiċċa l-ħabs wara li qatel lill-koppja Joseph u Carmela Dalli. Qal li qatel lil oħtu għax allega li kienet qed tirrikattah b’allegazzjonijiet foloz li stupraha meta kienet iżgħar.
L-avukati li qed jidhru għal Joseph Bonnici huma Franco Debono u Marion Camilleri. L-ispetturi kienu Keith Arnaud, John Spiteri u Roderick Attard.
//= $special ?>