Lokali

Irridu nikkumbattu lil min moħħu biss fl-ingann u fir-regħba

Waqt l-attivita’ li saret il-Ħadd filgħodu fil-każin tal-Partit Nazzjonalista fil-Kalkara tkellmu l-Membri Parlamentari Ewropej u kandidati għall-elezzjoni ta’ Mejju li ġej Francis Zammit Dimech u David Casa,kif ukoll il-minority leader tal-Partit Nazzjonalista fil-Kalkara Maria Sultana.

Fid-diskors tiegħu Francis Zammit Dimech semma kif il-ħidma tal-membri parlamentari ewropej nazzjonalisti kienet dejjem ħidma favur is-soċjeta’. Hu semma fost l-oħrajn il-ħidma fil-qasam tas-saħħa fejn gvernijiet nazzjonalisti bnew sptar ġdid u ġabu fondi ewropej bil-għan li jintużaw għal ġid ta’ kulħadd. Fis-saħħa, gvern laburista ma wettaq xejn ħlief li biegħ l-isptarijiet lill-barranin. Francis Zammit Dimech qal li hu għalhekk li l-poplu Malti irid jingħaqad kontra min qed juri biss ingann u regħba. Il-vot tagħna fil-25 ta’ Mejju jrid ikun wirja ta’ poplu li jrid ikun ħieles, li jrid ikollu serħan il-moħħ kif ukoll li jgawdi l-liberta’.

Tkellem ukoll il-kap tad-delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew, u kandidat għall-elezzjoni ta’ Mejju, David Casa li qal li hu dmir tal-membri parlamentari ewropej li jiddefendu liċ-ċittadini u jkomplu jesponu l-korruzzjoni ta’ dan il-gvern. David Casa qal li f’pajjiżna wasalna f’sitwazzjoni fejn xejn mhu ħieles, lanqas il-ġustizzja.

Fl-intervent tiegħu, David Casa qal li l-ħidma tiegħu fil-Parlament Ewropew, kellha biss għan wieħed, dak li jtejjeb il-kwalita’ tal-ħajja tal-Maltin fejn spjega d-direttiva tal-Work Life Balance. Dan ikompli jikkonferma li għal pajjiżna, hu meħtieġ il-Partit Nazzjonalista biex jiġġieled għas-sewwa. David Casa qal li l-Partit Nazzjonalista għandu tim ta’ persuni li se jkomplu jiddefendu l-interess taċ-ċittadini. Hu elenka fost l-oħrajn il-ħidma tiegħu li wasslet biex jingħalaq il-Pilatus Bank f’Malta u li jiġi ffriżat il-kont ta’ 17 Black. David Casa qal li għal Partit Nazzjonalista, n-nies mhumiex statistika iżda huma individwi li għandhom kull dritt jgħixu fejn tirrenja l-ġustizzja.

Maria Sultana, Minority Leader tal-Partit Nazzjonalista fil-Kunsill Lokali tal-Kalkara, tkellmet dwar kif Gvern Laburista dgħajjef il-poteri tal-Kunsilli Lokali u dan huwa rifless fil-Kalkara fejn l-ebda wegħda ma twettqet u xogħol li beda ma tlesta qatt. Hi semmiet fost l-oħrajn l-abbandun tal-ġnien fi Triq il-Missjoni Taljana u fil-bajja tar-Rinella, kif ukoll l-ammont ta’ parkeġġ għar-residenti li qed dejjem jonqos. Hi kompliet tgħid li minkejja li tinsab f’minoranza, hi dejjem tkellmet favur is-sewwa u kunsilliera nazzjonalisti se jibqgħu jirsistu biex jittieħdu l-aqwa deċiżjonijiet għan-nies tal-Kalkara.