Il-qagħda mwegħra li tinsab fiha s-sistemà ġudizzjarja f’Malta ħarġet fiċ-ċar anke mir-rapport Greco, li wissa’ li qed nirriskjaw paraliżi tas-sistema.
Ir-rapport sar mill-Grupp tal-Istati kontra l-Korruzzjoni (Greco) u għadu ma ġiex ippubblikat hekk kif il-Gvern Soċjalista ta’ Joseph Muscat għadu ma tax l-approvazzjoni tiegħu. Mingħajr din l-approvazzjoni, ir-rapport jibqa’ moħbi bħal ħafna rapporti oħra li l-Gvern żamm mistura fl-aħħar snin.
L-evalwazzjoni li saret mill-Greco, u li ssir kull ħames snin, qed titqies bħala waħda ta’ kundanna ħarxa lejn it-tmexxija tal-Gvern Soċjalista fejn tidħol is-sistema ġudizzjarja, b’diversi twissijiet qawwija.
Fost oħrajn, ir-rapport jitkellem dwar in-nuqqas ta’ azzjoni fil-konfront ta’ uffiċjali mlaħħqa li jkunu affaċċjati minn allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni. Tant hu hekk li Greco jinnota sens ta’ impunità fil-konfront ta’ dawn l-uffiċjali, u jiddikjara li din hi xi ħaġa ta’ tħassib.
Din hi analiżi kważi identika tal-Country Report tal-Kummissjoni Ewropea, miġbura wkoll fi kliem ta’ kundanna mid-Direttur tal-Kummissjoni Ewropea, Benjamin Angel.
It-tħassib ta’ Greco kien ikkonfermat lilhom fi żjara li għamlu f’Malta f’Ottubru, fejn sabu kultura ta’ segretezza fi ħdan diversi istituzzjonijiet, b’rakkomandazzjonijiet u konklużjonijiet li lanqas ġew ippubblikati u bil-Pulizija li jirrifjutaw li jieħdu azzjoni f’diversi każi.
Dan apparti li sabu kif istituzzjonijiet li suppost iżommu lill-Gvern taħt eżami, jonqsu mill-kuraġġ, kontabbiltà kif ukoll miżuri effettivi biex jaqdu dmirhom.
Fl-aħħar jiem anke l-Imħallef Emeritus Giovanni Bonello nnota kif 16 mill-aħħar 17-il ħatra li saru fil-ġudikatura kienu ħatriet ta’ qraba ta’ politiċi, ħbieb tal-ministri jew b’xi mod marbuta ma’ involviment politiku. Dan apparti li wissa’ li nbeda proċess li se jħalli problemi għall-50 sena li ġejjin u li ma jarax soluzzjoni għaliha.
//= $special ?>