Sport

Jake Vella l-mistieden speċjali tat-23 programm Sport Extra

Illum fuq Net Television mis-6.05pm ‘l quddiem, jixxandar it-23 programm Sport Extra bi produzzjoni u preżentazzjoni ta’ Charles Camenzuli.

Fl-ewwel parti tal-programm, l-importanza tingħata liċ-ċkejken triatleta Jake Vella li minkejja li għad għandu għaxar snin u jbati minn kundizzjoni rari, xejn ma jżommu milli jikkompeti u jkun ta’ ispirazzjoni għal bosta.

B’rabta ma’ Jake Vella, intervista ma’ missieru Josie Vella u mat-triatleti Fabio Spiteri u Emilia Vella li minn dejjem kienu qrib Jake waqt it-taħriġ u l-kompetizzjonijiet tiegħu.

It-triathlon jibqa’ tema ewlenija wkoll fit-tieni parti tal-programm, b’intervisti ma’ Jack Maitland, meqjus bħala wieħed mill-aqwa kowċis tat-triathlon fid-dinja kif ukoll ma’ Danica Bonello Spiteri b’rabta mal-kamp ta’ taħriġ li kien organizzat dan l-aħħar.

Il-muntaġġ tas-servizzi fil-programm sar minn Samira Cachia Spiteri filwaqt li l-filmati ttieħdu minn Michael Farrugia u Bernie Dimech.