Meta Malta qed tfakkar Jum il-Ħelsien, Joseph Muscat reġà ddefenda l-mudell ekonomiku tal-Gvern Soċjalista li jkabbar il-popolazzjoni bla pjan. Joseph Muscat ġab lil pajjiżna dipendenti fuq il-ħaddiema barranin għal kollox mit-tkabbir ekonomiku sal-pensjonijiet.
Dan il-mudell ekonomiku bla pjan tal-Gvern Soċjalista qed iġib miegħu bosta problemi fuq setturi oħra fosthom il-pagi biċ-cheap labour li qed jgħolli rasu b’detriment għall-ħaddiema Maltin, fl-infrastruttura u t-toroq biż-żieda qawwija fl-ammont ta’ karozzi, fl-edukazzjoni fejn tfal spiċċaw jieħdu t-tagħlim fil-kontejners u fl-ambjent fejn pajjiżna spiċċa l-agħar fl-Ewropa fil-kwalità tal-arja u l-iskart.
Wara diskors li fih ftaħar fuq kisbiet Kostituzzjonali, Joseph Muscat għandu jagħti widen dak li qed jgħidulu istituzzjonijiet Internazzjonali u Ewropej, li dan il-mudell ekonomiku mhux sostenibbli fit-tul u li mhu qed jagħmel xejn biex jiġġieled il-korruzzjoni. Fil-jum ta’ Malta ħielsa, Joseph Muscat għandu jippubblika r-rapport tal-Greco li qed jgħidlu kif is-sistema ġudizzjarja tinsab ipparalizzata u li għandu jħalli l-istituzzjonijiet liberi mill-ħakma tal-Gvern.

