Lokali

“L-Oppożizzjoni lesta biex terġa’ twaqqaf lill-Gvern Soċjalista milli jagħti l-art pubblika f’San Ġiljan” – Adrian Delia

Għal darb'oħra bil-moħbi u minn wara dahar kulħadd Konrad Mizzi jrid jagħti art pubblika bix-xejn għall-ispekulazzjoni u l-bini.

“Għal darb’oħra bil-moħbi u minn wara dahar il-poplu, Konrad Mizzi qed jinnegozja biex jagħti art pubblika fil-bajja ta’ San Ġorġ lill-privat għall-ispekulazzjoni u l-bini u l-kuntratt il-ġdid qed iżommu moħbi għal wara l-elezzjonijiet ta’ Mejju.”, hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt attività politika fil-Kalkara. 

Adrian Delia qal li wara li l-Gvern ppospona d-diskussjoni fil-Kumitat tal-Verifika dwar il-ftehim oriġinali li kien se jgħaddi din l-art pubblika lil-privat għall-ispekulazzjoni u l-bini, issa qed iżomm il-ftehim ġdid għal wara l-elezzjonijiet ta’ Mejju li ġej. Fi żmien il-Milied u minn wara dahar kulħadd, il-Gvern ried li jgħaddi bl-għaġla mill-Parlament il-ftehim li bih kien se jagħti din l-art pubblika iżda kellu jirtira kollox wara l-pressjoni li saritlu mill-Oppożizzjoni. Il-Mument żvelat kif minflok waqqaf il-ftehim, il-Ministru Konrad Mizzi li jrid isir il-Prim Ministru, qed iżomm moħbi ftehim ġdid fejn xorta waħda jagħti din l-art pubblika għall-ispekulazzjoni u l-bini u jonqos ukoll l-iżvilupp turistiku. Huwa qal li l-Oppożizzjoni diġà waqfet dan il-ftehim u għal darb’oħra mhix se tħalli lil Konrad Mizzi jagħti din l-art pubblika bix-xejn.

Adrian Delia qal li meta qed nfakkru Jum il-Ħelsien, pajjiżna spiċċa dipendenti fuq il-barranin, bil-Prim Ministru jgħid li rridu nibqgħu nġibu l-barranin għall-pensjoni, bl-ekonomija tibqa’ tikber u biex ikollna sistema tal-metrò. Il-Gvern Soċjalista ġab il-ħaddiema barranin biex ikabbar l-ekonomija bil-popolazzjoni u issa qed jgħidilna li sirna niddependu fuqhom għal kollox. Huwa qal li l-Gvern m’għandux pjan fit-tul għall-problemi li t-tkabbir fil-popolazzjoni qed iġġib fuq bosta setturi oħra bħall-infrastruttura, l-pagi u l-ambjent. Adrian Delia qal li ħames xhur ilu l-Gvern kellu jagħlaq is-sena 2018 b’surplus iżda spiċċa b’deficit ta’ €70 miljun.

Dan juru li l-Gvern Soċjalista tilef il-kontroll tal-finanzi tiegħu meta żied l-ispiża ordinarja biex jirbaħ il-voti, b’positions of trust lil tal-qalba mit-taxxi tal-poplu. Huwa qal li l-Gvern tilef il-kredibilita mal-Fond Monetarju Internazzjonali u mal-Kummissjoni Ewropeja, li wissietu li l-finanzi mhux qed jitmexxew sew, u rapport tal-Moneyval kixef il-possibbiltà li pajjizna jitpoġġa fil-lista s-sewda. Huwa qal li jekk il-Gvern spiċċalu s-surplus, ma jistax isolvi l-problemi li qed jaffaċċjaw in-nies u l-pajjiż.

Adrian Delia qal li l-Gvern għandu jippubblika minnufih ir-rapport tal-Greco, li jirrimarka n-nuqqas ta’ ħeġġa fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li l-PN se jibqa’ jwassal il-messaġġ li pajjiżna jrid li jkun ħieles tassew biex jiddeċiedi fl-interess nazzjonali u mhux fl-interess tal-ftit, u li l-istituzzjonijiet għandhom ikunu ħielsa. Huwa qal li f’Mejju li ġej, il-poplu għandu l-opportunità biex lill-Gvern jgħidlu li ma jridx aktar korruzzjoni.