Futbol Sport

Liverpool jiskurjaw fl-aħħar u jibqgħu jittamaw

(Ritratt: EPA)

Liverpool reġgħu telgħu fl-ewwel post tal-klassifika żewġ punti fuq Manchester City, anke jekk b’partita aktar. Għad baqa’ logħob iżda jekk Liverpool jirnexxielhom jirbħu l-kampjonat wara assenza ta’ 30 sena, allura din il-partita tkun lagħbet parti mportanti, għax fl-aħħar nofs siegħa ġara minn kollox.

Liverpool minn fuq, Tottenham iġibu d-draw u kellhom ukoll fejn jagħlqu l-partita, imma “own goal” fid-90 minuta ta r-rebħa lir-Reds biex kollox għadu nċert.

Liverpool fil-vantaġġ kellhom objettiv wieħed li jibqgħu jżommu l-vantaġġ hekk kif Tottenham bdew iżidu fil-logħob, it-tim ta’ Klopp deher nervuż, imma xi ħaġa li Liverpool jidhru li tgħallmu, hija li jibqgħu sa l-aħħar, anke jekk l-affarijiet jidhru mpossibbli.

Mauricio Pochettino, ma kienx fuq il-bank minħabba s-sospensjoni,  minn taħt daħal Son Heung-Min flok Davinson Sanchez, id-difiża li kienet qed tilgħab bi tlieta qalbet għal erba’, u fuq quddiem it-tim tjieb. Minuta wara Tottenham ġabu d-draw, u Anfield, mhux is-soltu kkwieta, kwiet taqgħtu b’sikkina.

Il-kampjonat deher aktar viċin Manchester City. Dak il-ħin kien l-ewwel bid-differenza tal-gowls, u b’partita oħra fil-komma x’jilgħabu, il-kampjonat għal darba oħra se jiżgiċċa. Iżda Liverpool sabu mod. Mhux xi gowl ta’ barra minn hawn, iżda b’mod ikkalkulat, u f’dan li stadju ma jgħoddx is-sbuħija tal-gowl, imma r-riżultat.

Liverpool rebħu korner. Tah Trent Alexander-Arnold, Tottenham deheru li kklerjaw il-ballun, li iżda wasal għand Andrew Robertson, li kellu partita mill-aqwa, tah lil Alexander-Arnold, kross u daqqa ta’ ras ta’ Salah li spiċċa mgħejjun ġewwa minn Toby Alderweireld fid-90 minuta.

Għall-kronaka skorja Firminho għal Liverpool fis-16-il minuta u Lucas Moura ġab id-draw fis-70 minuta u li l-aħħar gowl meta kien baqa’ anqas minn minuta żgur li daħal l-istorja.

Partita oħra kienet dik bejn Cardiff City u Chelsea, fejn tal-ewwel deheru li kienu se jieħdu tliet punti prezzjużi fil-ġlieda tagħhom kontra r-relegation wara li marru minn fuq fl-46 minuta minn Victor Camarasa iżda kontra kull mistenni Cesar Apizilueta għamilhom 1-1 sitt minuti mit-tmiem b’gowl kontrovesjali fejn deher li kien każ ta’ offside, biex fil-ħin barrani kien Ruben Loftus Cheek li skorja għat-tim ta’ Sarri biex baqgħu jisperaw għal post fiċ-Champions League.