Il-Ministru Konrad Mizzi se jagħti lill-Grupp Corinthia wesa’ ta’ art pubblika massiċċa f’Pembroke biex minflok lukanda ta’ ħames stilel jibnu torri ta’ appartamenti lussużi u jbiegħuhom bi dħul li jwassal sa biljun ewro.
Sorsi infurmati fil-Gvern żvelaw dan bl-aktar mod esklussiv ma’ il-mument u fissrulna li n-negozjati bejn il-Ministru Konrad Mizzi u l-Grupp Corinthia qed isiru bl-aktar mod sottili u sigrieti possibbli biex ħadd ma joħroġ inaffar dan il-ftehim li qed jinħema.
Kollox baqa‘ għaddej minn wara dahar kulħadd
Jirriżulta lil il-mument li Konrad Mizzi, li taħtu baqgħu jaqgħu il-proġetti kontroversjali li fihom ikun hemm involuti miljuni ta’ flejjes, baqa’ għaddej bil-ftehim sigriet mal-Grupp Corinthia.
Dan minkejja li l-Gvern kien qal li se jerġa’ jevalwa l-ftehim oriġinali li kien ippospona b’mod indefinit. Dan kollu kien ingħad saħansitra waqt id-diskussjoni fil-Kumitat Parlamentari tal-Verifika.
Ta’ min ifakkar li dakinhar l-Oppożizzjoni, immexxija mill-Kap Nazzjonalista Adrian Delia, kienet oġġezzjonalt bil-qawwa kollha għal dan il-ftehim u saħansitra kienet iddeskrivietu bħala wieħed “oxxen”.
Ma jridx jippublikah qabel l-elezzjoni tal-MEPs
Is-sorsi li f’dawn il-jiem tkellmu ma’ il-mument żiedu jgħidulna wkoll li l-ftehim il-ġdid mal-Grupp Corinthia mhux se jkun ippubblikat qabel l-elezzjoni tal-25 ta’ Mejju minħabba li jagħti aktar kredibbiltà lill-Oppożizzjoni Nazzjonalista.
Fil-ġimgħat li għaddew l-Oppożizzjoni Nazzjonalista kienet enfasizzat bl-aktar mod ċar u dirett li li l-għoti ta’ art pubblika bħal din għal farka tal-valur proprju ma kenitx xi ħaġa aċċettabbli.
Wieħed jiftakar tajjeb li dakinhar mal-Oppożizzjoni kienu ngħaqdu diversi organizzazzjonijiet mhux govenattivi kif ukoll ir-residenti li kienu opponew bil-qawwa għal dan l-iżvilupp massiċċ li minnu la l-pajjiż u wisq iżjed il-lokalità m’huma se jdaħħlu xejn jew b’xi mod jibbenefikaw.
Se jagħtihom skont ta’ 57% biex iwaqqgħu il-lukanda
Waqt li l-art fejn illum hemm il-lukanda Radisson hi stmata b’valur ta’ €700 miljun, Konrad Mizzi se jagħtiha lill-Grupp Corinthia għal prezz ta’ €51 miljun biss.
Din hi meqjusa bħala xi ħaġa tal-iskantament kif il-Ministru Konrad Mizzi ftiehem ukoll li jagħti skont ta’ madwar 57% lill-Corinthia għax se jwaqqgħu l-lukanda, minflok ma jara li jiżdiedu l-lukandi f’pajjiżna kif hu mistenni minn Ministru tat-Turiżmu.
Se jġiegħelhom ibaxxu l-binjiet turistiċi
Issa s-sorsi tal-Gvern qed jgħidulna li fil-ftehim il-ġdid mal-Corinthia, li bħalissa qed jinżamm sigriet, l-investiment fil-qasam turistiku se jonqos mill-ftehim propost oriġinarjament.
Jirriżulta li fil-ftehim il-ġdid il-Corinthia qablu li jbaxxu l-binijiet turistiċi li kienu se jibnu minflok il-lukandi Marina u San Ġorġ li kienu se jgħattu l-veduta tat-torri tal-Grupp DB li se jitla’ fuq l-art li fuqha kien hemm l-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS).
Madankollu, l-pjani tagħhom biex jieħdu l-art pubblika, li tinsab għandhom b’ċens ħalli fuqha jtellgħu torri b’appartamenti għall-bejgħ, se jibqgħu l-istess.
B’hekk il-Ministru Konrad Mizzi se jċedi art publika li tiswa €700 miljun biex minnha l-Grupp Corinthia jdaħħal biljun ewro u l-pajjiż idaħħal biss €51 miljun.
Lukandieri u negozjanti rrabjati
Numru kbir ta’ negozjanti u kuntratturi diġà esprimew ir-rabja tagħhom għall-fatt li l-Gvern Soċjalista se jagħti din l-art massiċċa lill-Grupp Corinthia mingħajr ma joħroġ sejħa pubblika bħalma ġara fil-każ tal-art tal-ITS.
Huma qed isostnu li l-fatt li l-Corinthia għandha ċens ta’ ħamsa u sittin sena oħra biex tħaddem lukanda fuq dik l-art, m’għandux tagħtihom ukoll id-dritt awtomatiku li dik l-art issir tagħhom u fuqha jibnu appartamenti lussużi li l-qligħ minnhom se jibqa’ għandhom biss.
Kull kuntratt li fih hemm il-miljuni f’idejn Konrad Mizzi
Il-ftehim biex il-Corinthia tieħdu art pubblika għal spekulazzjoni ta’ bini se jibqa’ jitmexxa mill-Ministru Konrad Mizzi.
Tajjeb li ħadd ma jinsa’ li kien l-istess Konrad Mizzi li kien hu wkoll involut:
- Fil-kuntratt kontroversjali tal-Electrogas,
- Fin-negozjati tal-Gvern li wasslu biex art f’ODZ f’Wied il-Għajn tingħata lill-Ġordanżi għall-Università Amerikana,
- Fil-kuntratt oxxen li bih l-Isptar t’Għawdex, l-Isptar San Luqa u l-Isptar Karen Grech ingħtaw lil Vitals li hi kumpannija li ħadd ma jaf ta’ min hi u li wara li ħadet €50 miljun biex tmexxi dawn l-isptarijiet bigħethom għal ewro biss u ħarbet.
- Kien ukoll Konrad Mizzi li ffaċilità l-ftehim mal-kumpannija Technoline biex tkun hi biss li tbiegħ apparat mediku fl-isptarijiet.
- Kien l-istess Konrad Mizzi li ħamest ijiem wara li sar Ministru fetaħ kumpanniji sigrieti fil-Panama u pprova jiftaħ kontijiet bankarji billi ddikjara li fihom se jiddepożita l-miljuni ġejjin mill-kummissjonijiet, fost l-oħrajn mill-kumpannija 17Black li hi ta’ wieħed mis-sidien tal-powerstation tal-Electrogas.
- Dak iż-żmien ukoll Konrad Mizzi kien mar ma’ Joseph Muscat u Kieth Schembri l-Ażerbajġan u għamlu ftehim minn wara dahar kulħadd għal xiri ta’ gas li wara rriżulta li kien jiġi jiswa lill-pajjiż u lill-poplu Malti €4 miljun aktar.
Jiffirma bħala Prim Ministru?
Issa Konrad Mizzi qed iħejji ruħu biex jieħu post Joseph Muscat malli jitlaq minn Prim Ministru.
Mhux eskluż li l-ftehim li jagħti l-art publika lill-Grupp Corinthia jiffirmah bħala Prim Ministru fix-xhur li ġejjin.