Lokali

Il-Gvern żamm iċ-Ċentru Ċiviku ta’ Santa Venera fuq l-ixkaffa – Adrian Delia

Hemm bżonn li l-Kandidati tal-Kunsilli Lokali u tal-Parlament Ewropew ikomplu jaraw kif se jkunu ta’ servizz għar-residenti kollha.

U hu bl-istess ħsieb li l-Partit Nazzjonalista qed tiltaqa’ mar-residenti, is-sidien u l-ħaddiema tal-ħwienet fil-lokalitajiet differenti … bl-għan li jisma’ dak li għandhom x’jgħidu n-nies.

Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt iż-żjara f’Santa Venera. Hu nnota kif din il-lokalità tħalliet sejra lura għax il-Gvern Soċjalista ma jinteressahx mir-residenti u moħħu biss biex ikaxkar saqajh fuq il-manutenzjoni meħtieġa.

Bl-istess mod, hi ħasra li fi triq ewlenija bħal ta’ Santa Venera, il-bankini bil-kemm jistgħu jintużaw għax spiċċaw fi stat abbandunat, minkejja d-diversi appelli li saru.

Akkumpanjat mill-Kandidati lokali u għall-Parlament Ewropew, mill-President tal-Kunsill Ġenerali Kristy Debono u minn membri tal-Kumitat Sezzjonali tal-Partit, Adrian Delia tkellem ukoll dwar iċ-Ċentru Ċiviku, li ilu mwiegħed sa mill-2013, iżda li baqa’ ma sarx. Hu għalhekk, li l-Kandidati tal-Partit Nazzjonalista qed iwegħdu li se jkomplu jitħabtu b’riżq ir-residenti.

U dwar il-Ġnien Romeo Romano, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista nnota wkoll kif l-uniku pulmun li għandha din il-lokalità spiċċa wkoll fi stat ta’ abbandun, fejn hu evidenti li diversi żoni minnu għandhom bżonn xi forma ta’ xogħol, li iżda baqa’ qatt ma sar.

F’dan il-kuntest, Adrian Delia wiegħed l-impenn sħiħ ta’ Kunsill ġdid immexxi minn maġġoranza Nazzjonalista, fejn se jkun qed jinsisti biex il-Gvern ifittex jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa jew iħalli lill-Kunsill imexxi skont il-prijoritajiet tal-lokalità u r-residenti.

Sadanittant, waqt li kien f’Santa Venera, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista innota kif l-Għassa tal-Pulizija kważi dejjem magħluqa.

Hu żar ukoll l-uffiċċji tal-organizzazzjoni Nanniet Malta. Hemm, hu ntlaqa’ mill-President u Fundatur Philip Chircop, li faħħar lil Adrian Delia għall-mod kif b’għemilu, qed jipprova jbiddel għall-aħjar l-istil ta’ kif issir il-politika.

Min-naħa tiegħu, Adrian Delia wiegħed l-appoġġ tiegħu u tal-Partit Nazzjonalista għal organizzazzjonijiet bħal din, anke fid-dawl tal-fatt li din ikollha tikri l-uffiċċji għal mijiet ta’ ewro fix-xahar minflok ma jingħataw għajnuna mill-Gvern jew xi entità tiegħu.