Lokali Unjoni Ewropea

Il-poplu Malti m’għandux jeħel hu għan-nuqqasijiet kbar tal-Gvern – PN

Il-Partit Nazzjonalista jikkundanna d-dikjarazzjoni tal-MEP Ġermaniż Sven Giegold li appella lill-Kummissjoni Ewropea biex jiskatta l-Artiklu 7 kontra Malta.

Pajjiżna u l-poplu Malta ma għandhomx jeħlu huma għan-nuqqasijiet kbar tal-Gvern Soċjalista fejn tidħol is-saltna tad-dritt u għalhekk bl-aktar mod kategoriku l-Partit Nazzjonalista ma jaqbilx li għandu jiskatta dan l-artiklu tat-trattat tal-Unjoni Ewropea.

Ikun aħjar jekk l-MEP Giegold u sħabu l-Ħodor fil-Parlament jaħdmu fid-direzzjoni tal-Partit Nazzjonalista billi jżidu l-pressjoni fuq il-Gvern Soċjalista u l-aġir ta’ persuni qrib tiegħu, li bl-għemil tagħhom qed ikissru r-reputazzjoni tajba li dejjem kellu pajjiżna.

Il-Gvern għandu minnufih jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet kollha li sarulu mill-Kummissjoni Venezja u dawn għandhom ikunu parti mill-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna. Għandu wkoll jagħti widen għar-rapporti internazzjonali u Ewropej kollha li issa ilhom juru b’mod ċar li mhu qed jagħmel xejn biex jiġġieled il-korruzzjoni b’mod konkret u b’serjetà.

Il-Gvern għandu minnufih jisma dak li qed jgħid il-PN u s-soċjetà ċivili u jimplimenta riformi veri biex isaħħaħ il-ħidma tal-istituzzjonijiet f’pajjiżna u ma jibqgħux aktar maħkumin u l-ħidma tagħhom imxekkla. Kull ġurnata li tgħaddi li fiha l-Gvern jonqos milli jieħu azzjoni hi ta’ dannu kbir għal pajjiżna, li fid-dawl tan-nuqqas ta’ azzjoni pajjiżi oħra qed jibdew iħarsu lejna bħala tax haven.