Lokali

Il-proġett fid-daħla tal-Mellieħa

Il-Kunsillieri f’isem il-Partit Nazzjonalista fil-lokalita’ tal-Mellieħa talbu laqgħa urġenti tal-Kunsill Lokali sabiex jiddiskuti mozzjoni li qed isejjaħ lill-Kunsill Lokali biex joġġezzjona formalment għall-permess maħruġ mill-Awtorita’ tal-Ippjanar għall-bini ta’ lukanda u numru ta’ appartamenti fid-daħla tal-lokalita’.

Il-mozzjoni tirreferi għal permess ta’ żvilupp li nħareġ mill-Awtorita’ tal-Ippjanar fl-aħħar ta’ Frar.

Il-mozzjoni ssejjaħ lill-Kunsill Lokali sabiex joġġezzjona għal dan l-iżvilupp massiċċ għaliex se jkun qed jirrovina parti oħra mil-lokalita’ tal-Mellieħa, ser ikun żvilupp f’zona residenzjali kontra l-Pjan Lokali u se tkerrah id-daħla tal-lokalita’.

Il-mozzjoni tkompli li l-iżvilupp se joħloq  problemi enormi għar-residenti taz-zona u mhux kompatibbli mal-ambjent tal-madwar.

L-Iżvilupp jinkludi lukanda u 120 appartament u li jinsab fid-daħla tal-lokalita’; qrib ir-roundabout li jagħti għal triq il-Kbira.

Il-Kunsill Lokali preċedenti b’maġġoranza Nazzjonalista kellu pjani biex l-art tkun żviluppata f’Ċentru għall-komunita’ Melliħija. Iżda Kunsill b’maġġoranza Laburista ħalla li l-Gvern jeħodlu l-art fl-2015.

Il-mozzjoni ssejjaħ ukoll biex l-art in kwestjoni terġa’ tingħata lura lill-Kunsill sabiex isir il-proġett oriġinali ta’ ċentru għall-komunita’ kif kien ippjanat qabel l-2013.

Il-mozzjoni kienet iffirmata mill-Minority Leader Hilary Fenech u l-kunsillieri Emvin Bartolo u Patrick Cutajar. Il-mozzjoni għandha wkoll l-appoġġ tal-Kunsillier Joseph Gauci li jinsab imsiefer.