Lokali

“Int Prijorità” – it-tema tal-SDM għall-elezzjoni tal-KSU

B’kontinwità, għalkemm b’ideat innovattivi, l-għaqda tal-istudenti SDM ippreżentat it-tim ta’ Kandidati li se jkunu qed jikkontestaw għal kariga fi ħdan il-Kunsill Studenti Universitarji (KSU) … bit-tema “Int Prijorità”.

Fuq il-Kampus, il-President tal-SDM Jake Scerri ħabbar il-lista tal-Kandidati, b’William Farrugia għall-kariga ta’ President, akkumpanjat minn Matthew Gauci, Thomas Mifsud, May Hefny, Celine Bartolo, Christian Aquilina, Julia Cini, Eman Haber, Matthew Xuereb, Naomi Attard u Naomi Deguara.

Ma’ NET News, Jake Scerri spjega li b’dan it-tim ta’ Kandidati, l-SDM trid tkompli taħdem fuq inizjattivi u kampanji li jolqtu direttament firxa dejjem aktar wiesgħa ta’ studenti differenti. Hu fisser ukoll għaliex l-SDM għażel is-slogan “Int Prijorità”.

Min-naħa tiegħu, William Farrugia qal li t-tim li qed jippreżenta l-SDM hu wieħed ta’ kontinwità għalkemm b’kampanja ġdida. Spjega li l-Kandidati ġejjin minn fakultajiet differenti, b’ħamsa minnhom diġà kienu jiffurmaw parti mill-KSU elett is-sena li għaddiet.

Din is-sena, l-SDM qed tiċċelebra l-45 sena mit-twaqqif tagħha, b’ħidma biex twassal dejjem aktar bis-saħħa l-vuċi tal-istudenti. U fi tmiem il-preżentazzjoni, l-istudenti Universitarji kellhom l-opportunità jiltaqgħu b’mod informali mal-Kandidati tal-SDM.

Tags