“Intom ġibtu unur lil pajjiżna permezz tal-abbiltà tagħkom fl-isport”

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia faħħar lill-atleti u l-kowċis tal-Ispecial Olympics waqt laqgħa li saret fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista.

Hu saħaq li l-40 medalja differenti li ġabu 28 atleta li kkompetu fl-Ispecial Olympics, taw kuraġġ lil ħafna oħrajn biex jgħelbu l-isfidi ta’ kuljum.

Adrian Delia rrikonoxxa l-fatt li dawn l-atleti kollha bid-determinazzjoni tagħhom bdew vjaġġ li jwassal messaġġ liċ-ċittadini Maltin li jistgħu jirnexxu.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista prezenta tifkira lil kull parteċipant u lill-kowcis taghhom bħala rikonoxximent tas-sagrifiċċju u determinazzjoni tagħhom.

L-atleti Maltin ikkompetew ix-xahar li għadda f’Abu Dhabi ma’ 7,500 atleti barranin minn 190 pajjiż differenti.

Għal din il-laqgħa fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista, l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia kien akkumpanjat mis-Segretarju Ġenerali Clyde Puli, l-Viċi Kapijiet David Agius u Robert Arrigo, l-President tal-Amministrattiv David Stellini, l-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Isport Ryan Callus, il-Kelliema tal-Oppożizzjoni dwar il-Persuni b’Diżabilità Maria Deguara, l-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar il-Kunsilli Lokali Robert Cutajar u l-Kandidati għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew Peter Agius u Michael Mercieca, kif ukoll Andrè Muscat minn TeamSport PN.

Ritratti: Martin Aguis