Għaddew aktar minn 36 siegħa minn meta il-gazzetta il-mument żvelat il-manuvri mill-Ministru Konrad Mizzi biex jgħaddi medda kbir ta’ art pubblika f’San Ġiljan lill-Grupp Corinithia – u sa llum il-Gvern għadu sieket u bla ebda reazzjoni.
B’fommu maghluq anke l-Ministru Konrad Mizzi, hekk kif issa sar magħruf kif hu, minn wara dahar kulħadd, għaddej b’sensiela ta’ negozjati mal-Grupp Corinthia biex jgħaddilhom art massiċċa f’San Ġiljan ħalli fuqha jinbena torri ta’ appartemanrti lussużi.
Dwar dak żvelat tkellem il-Ħadd filgħodu stess il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia, u saħaq li l-Oppożizzjoni se terġa’ tkun tarka tas-sewwa u ma tħallix lill-Gvern Soċjalista jagħti l-art pubblika bix-xejn biex minflok lukanda ta’ ħames stilel jinbena torri ta’ appartamenti lussużi u dawn jinbiegħu mill-Grupp Corinthia bi dħul li jwassal sa biljun ewro.
Filwaqt li llum nistgħu niżvelaw kif l-istorja tal-Ħadd li għadda f’il-mument xejn ma niżlet tajjeb mal-Ministru Konrad Mizzi, kollox jindika li l-partijiet se jissoktaw b’dan il-ftehim minn wara dahar kulħadd …u d-dettalji se jitħabbru biss wara l-elezzjonijiet tal-25 ta’ Mejju li ġej.
Xejn wieħed ma jeskludi li jkun l-istess Konrad Mizzi kemm-il darba jirbaħ it-tellieqa għall-kariga ta’ Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Soċjalista, li finalment ikun hu wkoll li jiffirma dan il-ftehim mal-Corinthia.
Il-Kap tal-PN Adrian Delia diġà ddesriva dan il-ftehim bħala skandaluż u qal li dak li qed jipprova jagħmel bil-moħbi l-Ministru Soċjalista Konrad Mizzi li jrid jagħti lill-privat art massiċċa fil-Bajja ta’ San Ġorġ hu inaċċettabbli u mhux fl-interess tal-poplu Malti u Għawdxi.