Futbol Sport

Ramsey u Lacazette jpoġġu lil Arsenal fit-tielet post

(Ritratt: EPA)

Arsenal jinsabu waħedhom fit-tielet post tal-Premier League b’rebħa ta’ 2-0 fl-Emirates Stadium kontra Newcastle. B’hekk huma komplew il-mument pożittiv tagħhom hekk kif mill-aħħar ħames logħbiet fil-kampjonat kisbu erba’ rebħiet u draw.

Din kienet l-għaxar rebħa konsekuttiva tagħhom f’darhom fil-kampjonat u jinsabu żewġ punti fuq Tottenham u Manchester United kif ukoll tliet punti fuq Chelsea f’taqtigħa missielta għal żewġ postijiet fiċ-Champions League.

Għal Newcastle din kienet it-tieni telfa fl-aħħar erba’ logħbiet iżda xorta għadhom seba’ punti fuq iż-żona tar-relegazzjoni. L-iskor finali seta’ kien ferm akbar kieku Arsenal kienu aktar preċiżi.

Il-Gunners fetħu l-iskor man-nofs siegħa logħob meta Alexandre Lacazette prova jgħaddi fil-kaxxa iżda d-difensuri ta’ Newcastle blokkaw parzjalment, bil-ballun jispiċċa għand Aaron Ramsey li għeleb lil Martin Dubravka b’xutt fil-baxx għar-rokna.

Qabel tmiem l-ewwel taqsima, Arsenal setgħu żiedu ieħor b’xutt bid-dawra ta’ Lacazette iżda Matt Richie salva b’daqqa ta’ ras fuq il-linja.

Arsenal komplew joħolqu l-azzjonijiet iżda kien fit-83 minuta li huma serrħu rashom mir-riżultat meta Pierre-Emerick Aubameyang ta bir-ras lejn Alexandre Lacazette li ġera wara d-difiża u qabbeż il-ballun fuq Dubravka. L-iskor seta’ sar 3-0 lejn it-tmiem iżda r-referee Anthony Taylor iġġudika fawl ta’ Lacazette fuq Dubravka minn korner.

Tags