Futbol Sport

Roger Federer jirbaħ l-Open ta’ Miami għar-raba’ darba

(Ritratt: EPA)

Roger Federer rebaħ l-Open ta’ Miami għar-raba’ darba fil-karriera wara li għeleb fil-finali lil John Isner 6-1, 6-4. Dan kien il-101 titlu ATP fil-karriera ta’ Federer. It-tennist ta’ 37 sena li ddiżappunta wara li tilef il-finali kontra Dominic Thiem fl-Indian Wells, kellu ġurnata aktar pożittiva l-Ħadd biex sar l-ewwel tennist li rebaħ fl-20 tournament ATP li hemm f’din is-sena.

Isner kellu tmiem negattiv fil-logħba wara li weġġa’ siequ x-xellugija u bata biex iċċaqlaq aktar komdu fit-tieni set. Federer li kien qed jilgħab il-50 finali fil-Masters 1000, kiser is-service ta’ Isner fl-ewwel set li fih tilef biss tliet punti fis-service tiegħu.

Iżda l-Amerikan issielet fit-tieni let u saħansitra għamel l-iskor 3-3 u 4-4 qabel l-uġigħ għamilha diffiċli għalih biex ikompli, b’Federer jagħlaq il-logħba f’siegħa u tliet minuti.

Wara l-logħba, Federer ħares lejn il-ġimgħa li kellu u sostna l-kuntentizza tiegħu fil-mument. “Lagħbt hawn għall-ewwel darba fl-1999 u qiegħed hawn fl-2019. Ifisser ħafna għalija,” qal Federer.