Sport Sport Ieħor

Valletta maħsuda minn Luxol fl-ewwel finali tal-play-off

(Ritratt: Joe Borg)

Iċ-champions Valletta bdew il-finali fuq nota ħażina hekk kif kienu megħluba minn Luxol 6-1 fl-ewwel finali tal-play-off minn possibbiltà ta’ ħames logħbiet. Luxol kisbu vantaġġ ta’ 3-0 fl-ewwel taqsima b’doppjetta ta’ Celino Alves u Emil Andrei Raducu minn fuq it-tieni penalty spot.

Fil-bidu tat-tieni taqsima, Valletta ħarġu fuq l-offensiva biex jibqgħu fil-logħba iżda Luxol reġgħu ħadu l-kontroll u skorjaw tliet darbiet oħra minn doppjetta ta’ Maicon Silva u gowl ta’ Mark Zammit. Valletta skorjaw il-gowl ta’ konsolazzjoni minuta mit-tmiem permezz ta’ Jovica Milijic wara li ftit qabel Camilo Gomez falla minn fuq it-tieni penalty spot.

Il-ġimgħa li għaddiet intlagħbu wkoll tliet play-offs għall-promozzjoni. It-tim tal-Università ta’ Malta kien fl-azzjoni darbtejn b’telfa kontra Tarxien Rainbows 6-4 u rebħa fuq iċ-Champions tal-Ewwel Diviżjoni Pietà Hotspurs 6-5. Fil-logħba l-oħra Pietà għelbu lit-tim ta’ taħt il-21 sena ta’ Swieqi 5-2.

Logħob li jmiss

It-tieni finali – Għada: Padiljun Sportiv ta’ Kordin – Luxol v Valletta 8.15pm


It-tielet finali – Il-Ġimgħa: Padiljun Sportiv ta’ Kordin –Valletta v Luxol   8.15pm