Lokali

Żball ġenwin… mhux ċajta

Ritratt: Joseph Galea

Kien żball ġenwin, u mhux att ta’ disprezz jew ċajta il-bdil tal-inbid ma’ whisky li seħħ waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-11.00 fil-KonKatidral ta’ San Gwann ilbieraħ.

Il-Quddiesa kienet qed titmexxa mill-Arċisqof ta’ Malta Charles J Scicluna u kienet qed tiftaħ il-proċess tal-beatifikazzjoni u kanonizzazzjoni ta’ Brother Louis Camilleri.

Hekk kif l-Arċisqof mess il-kalċi li suppost kien fih inbid ikkonsagrat, mal-ewwel intebaħ li dak kien fil-fatt whisky. Fil-pront inġieb it-tieni kalċi li jkun preparat għal li jista’ jinqala’ u li din id-darba kien fih propju l-inbid konsagrat kif suppost.

F’post fuq Facebook, is-sagristan tal-KonKatidral Godwin Dalli skuża ruħu pubblikament għal dak li ddeskriva bħala żball ġenwin li sar minn persuna volontiera li tmur tgħin fis-sagristija u li tfixklet fl-armarju bi-konsegwenza li flok flixkun tal-inbid, qabad il-flixkun tal-whisky.

Is-sagristan spjega kif dan kien żball ġenwin u ma sarx la b’disprezz u lanqas bħala ċajta, kif kien hemm min ħaseb.