Lokali

BIR-RITRATTI: Il-qabda tad-droga fil-Gżira u l-Imsida taqbeż il-65 kilogramma

Il-qabda tad-droga li t-Tnejn għamlet il-Pulizija fil-Gżira, u li wasslet ukoll għall-arrest ta’ erba’ persuni, tlaħħaq il-65 kilogramma pjanta tal-kannabis lesta għat-traffikar.

Instabu wkoll kilo ieħor raża tal-kannabis, sustanza psikotropika u alluċinoġena msejjħa magic mushrooms kif ukoll €17,000 fi flus kontanti.

Fi stqarrija, il-Pulizija kkonfermati l-arrestati huma raġel ta’ 40 sena residenti Ħal Qormi kif ukoll Kroat ta’ 42 sena residenti l-Gżira, Serb ta’ 36 sena residenti l-Imsida u ieħor ta’ 37 sena residenti n-Naxxar.

L-ikbar sejba saret f’garaxx fil-Gżira u f’residenza fl-inħawi tal-Imsida, bil-Pulizija li komplew bit-tfittxijiet biex sabu wkoll haversack fejn kien hemm il-magic mushrooms u l-flus kontanti.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin, u l-Maġistrat Simone Grech qed tmexxi inkjesta.

Dawk involuti għadhom arrestati u mhux eskluż li wħud minnhom jitressqu quddiem il-Qorti biex jiffaċċjaw akkużi li jvarjaw minn assoċjazzjoni fit-traffikar tal-ħaxixa, traffikar u pussess mhux għall-użu personali tal-istess mediċina perikoluża kif ukoll akkużi taħt l-att dwar il-ħasil tal-flus fost oħrajn.