Internazzjonali

Probabbiltà akbar ta’ ‘no-deal Brexit’… iżda mhux eskluż li dan ma jseħħx

 

In-negozjatur ewlieni tal-Unjoni Ewropea, Michel Barnier, qal li kibret il-probabbiltà li r-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni mingħajr ftehim f’sitwazzjoni ta’ ‘no-deal Brexit’. Intant, hu ammetta li sitwazzjoni bħal din, li jkollha r-riperkussjonijiet negattiva għan-naħat kollha, xorta waħda tista’ tkun evitata.

Fl-istess ħin, Barnier qal li estensjoni twila għad-data (stabbilita għat-12 ta’ April) tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni ‘għandha element ta’ sogru sostanzjali għall-UE’ — minbarra li tinħtieġ ‘ġustifikazzjoni soda biex tkun implimentata’.

Dan fost rapporti li l-Kabinett Britanniku tal-Prim Ministru Theresa May kien qed jikkunsidra pjani biex ‘jixpruna’ it-tħejjijiet għal ‘no-deal Brexit.’ Ingħad li l-possibbiltà ta’ elezzjoni ġenerali bikrija kienet ukoll diskussa fil-laqgħa tal-Kabinett u meta l-Kabinett ‘il quddiem għandu jindirizza numru ta’ ‘kwistjonijiet delikati’ għall-pajjiż.

Il-proċess tal-Brexit għadu fi speċi ta’ ‘limbu’ wara li d-deputati fil-House of Commons, fil-lejl tat-Tnejn, ivvutaw dwar erba’ alternattivi għall-ftehim ta’ Theresa May għall-Brexit – bl-ebda waħda mill-erba’ proposti ma jiksbu maġġoranza tal-voti.

Ma għaddietx bi tliet voti l-proposta għal unjoni doganali mal-UE waqt li mozzjoni għal referendum ieħor fir-Renju Unit kisbet l-aktar voti favur – iżda xorta ma għaddietx. L-hekk-imsejħa ‘voti indikattivi’ ma kellhomx jorbtu lill-Gvern legalment iżda setgħu (li kieku għaddew) ‘bexxqu l-bieb għal forma ta’ kompromess fil-Parlament’.

Sadanittant, is-Segretarju għall-Brexit, Stephen Barclay, wissa lid-deputati f’Londra li l-Gvern jeħtieġ iressaq ‘proposta kredibbli’ jekk irid li l-UE taqbel rigward estensjoni tal-Brexit ‘il hinn mit-12 ta’ April.

Filwaqt li l-possibbiltà ta’ elezzjoni ġenerali kienet meqjusa bħala ‘possibbiltà reali’, numru ta’ politiċi Britanniċi, fosthom l-eks Segretarju għall-Affarijiet Barranin, Boris Johnson, qalu li deċiżjoni bħal din ‘kapaċi tinfurja lill-elettorat Britanniku’.

Min-naħa tiegħu Michel Barnier qal li ħadd fost il-membri tal-UE ma xtaqu xenarju ta’ ‘no-deal Brexit’ iżda l-Unjoni tinsab ippreparata għal dan li l-probabbiltà li, skont hu, qed tikber minn jum għal jum.

Għal Barnier, il-Brexit mingħajr ftehim jista’ ikun evitat biss f’każ li l-House of Commons jivvota favur it-tluq tar-Renju Unit bħala proċess li jibbaża fuq il-patt l-Unjoni u Theresa May kienu ftehmu dwaru, xi xhur ilu.

Tags