Huwa fundamentali li l-ħatriet fil-bank tal-gudikatura jsiru kif suppost. Hemm bżonn li jkun hemm nies ta’ korrettezza u kompetenza. Jekk min qed jiddeċiedi ma jkunx fost l-aħjar persuni, ma jkollniex riżultati tajbin fil-Qrati tagħna.
Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia wara li fl-aħħar jiem anke l-Imħallef Emeritu Giovanni Bonello tkellem b’mod ċar ħafna fuq it-tħassib tiegħu rigward is-sistema tal-Qrati f’pajjiżna.
Adrian Delia saħaq li huwa importanti illi minn barra, il-proċess fil-Qrati jidher li huwa wieħed li qed isir b’mod korrett u ma jkunx inklinati lejn faxxa politika jew ohra.
Hu insista illi għandna Gvern Soċjalista li ħataf diversi istituzzjonijiet fosthom il-kummissarju tal-Pulizija u l-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. U l-Qrati suppost hemm sistema ta’ struttura ta’ kif jintgħażlu nies fuq il-bank tal-ġudikatura, iżda l-Gvern qed idawwar l-affarijiet kif irid hu… biex finalment l-għażla jkun għamilha hu.
Adrian Delia tkellem dwar kemm hu importanti li persuna jkollha fiduċja fil-Qorti. Għal ħafna min-nies din hija l-aħħar tama biex ikunu solvuti l-problemi li jkollhom.
Anke jekk eventwlament persuna tingħata raġun, jekk dan ir-ragun ma jingħatax fi żmien diċenti, prattikament huwa ksur tad-drtittijiet tal-bniedem. Sakemm persuna tieħu dak li hu tagħha, din tagħmel iż-żmien kollu ta’ stennija mċaħħda minn dak li hu tagħha.
Adrian Delia sostna li jekk il-proċess fih innifsu mhux effiċjenti, jispiċċa biex ibati kulħadd kemm il-klijent kif ukoll l-avukati nfushom. U konsegwenza ta’ dan kollu, finalment tkun qed tbati s-soċjetà inġenerali.
//= $special ?>