Futbol Sport

Draw bejn Żejtun u Vittoriosa, rebħa għal Swieqi u Marsa relegati

(Ritratt: Matthew Tabone)

ŻEJTUN C ……………….. 0 VITTORIOSA S ……….. 0

Żejtun: D. Zarb, D. Andelkovic, A. Carabott, G. Sultana, D. Albanese, R. de Fex Junior, R. Spiteri, N. Tabone, K. Buttigieg, A. Farrugia, G. Azzopardi.

Vittoriosa: J. Pisani, I. Curmi, K. Degiorgio, P. Miguel Barkley (L. Gauci 83’), J. Ogonuppe, A. Cilia Mumford, J. Briffa, A. Galea, N. Ojuola, J.C. Galea, D. Tabone.

Referee: Andrea Sciriha

Żejtun u Vittoriosa kisbu punt kull wieħed f’logħba kwieta u bilanċjata u li ftit offriet spunti spettakolari. Finalment iż-żewġ naħat dehru kuntenti bil-punt miksub f’logħba tipika ta’ tmiem l-istaġun.

Żejtun ħolqu l-ewwel azzjoni wara disa’ minuti meta xutt fil-baxx minn tarf il-kaxxa ta’ Dragoljub Andelkovic ġie salvat minn James Pisani. Wara din l-azzjoni l-logħob żvolġa l-aktar f’nofs il-grawnd sakemm fl-24 minuta f’attakk ieħor ta’ Żejtun xutt mill-ġenb ta’ Dragoljub Andelkovic ġie salvat f’żewġ tentattivi minn Pisani. 

Żejtun komplew juru l-aħjar ideat u ftit wara n-nofs siegħa logħob xutt minn tarf il-kaxxa ta’ Andre Farrugia ġie salvat mill-goalkeeper ta’ Vittoriosa.  Mal-ħin, Vittoriosa bdew jaqsmu l-logħob mal-avversarji tagħhom u fis-37 minuta resqu viċin li jiftħu l-iskor minn daqqa ta’ ras ta’ Noah Ojuola wara azzjoni ta’ korner.Fit-tieni taqsima l-andament tal-partita ftit li xejn inbidel biż-żewġ naħat jidhru kuntenti bil-punt miksub.

Swieqi jkabbru l-problemi ta’ Qrendi

QRENDI ……………… 1 SWIEQI U. ………….. 4

Qrendi: J. Farrugia (Clive Caruana 74’), D. Micallef, M. Busuttil, Christian Caruana (L. Brincat 50’), D. Sammut, M. Barbara, Z. Bowman (K. Abela 50’), J. Spiteri, J.P. Da Silva Vargas, C. Quaranta, J. Silveira Da Silva

Swieqi: J.C. Debattista, J. Cassar, M. Attard, K. Muscat (L. Scicluna 46’), G. Bugeja, I.A. Margarit, M. Laferla, S. Ibrahim (L. Covic 56’), S. Bugeja, H.K. Hansberg(K. Ekezie 66’), D. Borg

Referee: Darryl Agius

Swieqi komplew kabbru l-problemi ta’ Qrendi meta rebħulhom faċilment f’logħba li huma ddominaw u li kienet kważi magħluqa għal kollox wara l-ewwel 35 minuta meta Swieqi kienu bnew vantaġġ ta’ 3-0.

Swieqi marru fil-vantaġġ wara 18-il minuta meta Margarit għadda ballun fit-tul lejn SALIS IBRAHIM li għeleb in-nasba tal-offside u skorja b’xutt fil-baxx. Ir-reazzjoni ta’ Qrendi kienet fjakka u konfuża u Swieqi prattikament serrħu rashom b’żewġ gowls wara xulxin ftit wara n-nofs siegħa.

Fit-33 minuta minn azzjoni ta’ free-kick, id-difiża ta’ Qrendi naqset li tbiegħed il-periklu u SALIS IBRAHIM skorja mill-viċin. Tliet minuti wara minn azzjoni ta’ korner, il-gowlkiper ta’ Qrendi salva kif seta’ x-xutt ta’ Ibrahim u mir-rebound KYLE MUSCAT spara għal ġewwa mill-viċin. Wara dan il-gowl dominju ta’ Swieqi bil-gowlkiper Farrugia isalva għal darbtejn fuq Margarit.

It-tieni taqsima fetħet fuq l-istess andament b’SALIS IBRAHIM jgħaqqad it-tripletta b’azzjoni simili ħafna għall-ewwel gowl. Swieqi ma baqgħux jisfurzaw wisq u Qrendi beda jkollhom xi opportunitajiet fejn Luca Brincat falla ċans tad-deheb minn quddiem il-lasta.

Huma skorjaw il-gowl ta’ konsolazzjoni fil-71 minuta meta Quaranta żmarka lil LUCA BRINCAT li avvanza u spara fix-xibka.

Lija jikkundannaw lil Marsa

LIJA A. ………………………… 4 MARSA ……………………….. 1

Lija: R. Marmara, C. Cassar, D. Scerri, E. Beu, A. Azzopardi (R. Sammut 79’), A. Borg (N. Camilleri 86’), A. Bello Osagie (D. Mintoff 71’), M. Clinch, I. Borg, K. Kuroki, C. Gauci.

Marsa: L. Seisun, S. Zampa, L. Camilleri, J. Bonello, R. Gafa, J. Theuma, R. Gatt De Raffaele, S. Briffa, O. Cristiani, H. Kawamura (N. Kojima 88’), A. Watanabe (M. Marra 82’).

Referee: Ishmael Barbara

Kien jonqos biss il-matematika biex tikkundanna li prattikament ilhom staġun sħiħ ankrati fl-aħħar post tal-klassifika. Bit-telfa tal-bieraħ kontra Lija il-kundanna matematika waslet ukoll u minn issa Marsa jridu jħarsu lejn il-futur tagħhom biex jippruvaw tal-inqas jirritornaw malajr f’din id-diviżjoni.

Lija ħarġu fuq l-attakk u l-gowlkiper ta’ Marsa wettaq save mill-aqwa fuq Azzopardi fis-16-il minuta, iżda żewġ minuti wara kien Kawamura li resaq qrib għal Marsa bix-xutt tiegħu salvat minn fuq il-linja minn Clinch. Fl-24 minuta Beu żmarka lil Bello Osagie li xeħet ftit barra minn qagħda tajba.

Fis-26 minuta Lija fetħu l-iskor wara ġirja tajba ta’ ANDREA AZZOPARDI li għeleb lil Seisun b’xutt fil-baxx. Lija komplew jattakkaw b’Erjon Beu jersaq qrib diversi drabi.

Fil-51 minuta Lija rduppjaw meta Bello Osagie niżżel bir-ras lejn ERJON BEU li mill-viċin spara fix-xibka. Lija komplew jattakkaw u jfallu ċ-ċansijiet iżda fit-68 minuta ERJON BEU bir-ras skorja fuq kross ta’ Azzopardi.

Fit-80 minuta ftit ta’ glorja għal Marsa wkoll bi ġmiel ta’ gowl skorjat minn KAWAMURA direttament minn free-kick, iżda fil-ħin miżjud kien KOKEN KUROKI li skorja r-reba’ gowl.