Lokali

“Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ l-partit tal-valuri u tas-sewwa” – Simon Busuttil

Id-deputat Nazzjonalista Simon Busuttil, it-Tnejn filgħaxija ddikjara li l-Partit Nazzjonalista jibqa’ l-partit tal-valuri u s-sewwa, li ġġieled u jibqa’ jiġġieled kontra l-ħażin.

Waqt li kien il-mistieden ta’ Net Live, fuq Net Television, Simon Busuttil iddikajra li “l-Partit Nazzjonalista mhux kaxxa vojta. Jirrappreżenta ċertu valuri u ċertu prinċipji, inkluż il-ġlieda għas-sewwa, il-ġlieda kontra l-gideb, korruzzjoni, kunflitt ta’ interess u kontra dak li hu ħażin. Ħafna affarijiet li Joseph Muscat qed jagħlaq għajnejh għalihom, minkejja li kien wiegħed li se jagħmel l-affarijiet differenti.”

Simon Busuttil fakkar kif il-Partit Nazzjonalista ilu għall-aħħar snin jitlob li jinfetħu inkjesti dwar diversi każi ta’ korruzzjoni, fost oħrajn dwar il-Panama Papers. F’dan il-każ mhux talli ħadd ma refa’ responsabbiltà anzi Kornad Mizzi u Keith Schembri żammew posthom qrib il-Prim Ministru Joseph Muscat.

L-intervista iffukat fuq it-tliet libelli mirbuha minn Simon Busuttil kontra l-editur tal-Orizzont, Josef Caruana.

Il-ġurnal li kien imexxi Caruana, li llum saħansitra hu kandidat tal-Partit Laburista għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, issa kien ikkonfermat li gideb fil-konfront ta’ Simon Busuttil.

Dan b’rabta mal-iskandlu tal-għoti ta’ nofs proprjetà fil-Belt Valletta minn Marco Gaffarena lill-Gvern għal prezz fenomenali. Minkejja li tilef il-libelli, la Caruana u lanqas il-Partit Laburista ma’ lissnu l-ebda kelma.