Lokali

Il-PN iressaq mozzjoni biex isalva l-Kumitati Amministrattivi li jrid jeqred il-Gvern Soċjalista

L-Oppożizzjoni ressqet mozzjoni sabiex jiġi annullat, jitħassar u revokat l-avviż legali li jemenda r-regolamenti dwar il-kumitati amministrattivi għall-komunitajiet. Bl-Avviż Legali 44 tal-2019, il-Gvern qiegħed għal darba iħassar l-elezzjonijiet tal-Kumitati Amministrattivi li għandhom isiru fil-25 ta’ Mejju li ġej.

Il-mozzjoni tressqet lill-Ispeaker mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Kunsilli Lokali, Komunitajiet u Fondi Ewropej Robert Cutajar, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar ir-Riformi fis-Servizz Pubbliku, ċ-Ċittadinanza u s-Simplifikazzjoni tal-Proċessi Karol Aquilina u l-Viċi Kap tal-PN għall-Affarijiet Parlamentari David Agius.

Fid-dawl li l-Gvern m’għandu l-ebda mandat elettorali biex ineħħi, jxolji jew iwaqqaf il-ħidma tal-Kumitati Amministrattivi, l-Oppożizzjoni qed tressaq mozzjoni fil-Parlament biex dan l-avviż legali jiġi revokat minnufih. Il-Partit Nazzjonalista jemmen li dawn il-Kumitati Amministrattivi għandhom mhux biss jibqgħu jeżistu iżda li jiġu msaħħa sabiex jibqgħu jiġu eletti persuni mir-residenti tal-komunitajiet f’Malta u Għawdex.

B’din l-azzjoni l-Gvern, filwaqt li jitkellem dwar riforma tal-Kunsilli Lokali,  reġa’ wera biċ-ċar li l-intenzjonijiet ewlenin tiegħu huma li jkompli jnaqqas dejjem aktar poteri fi ħdan il-komunitajiet tagħna. Dan l-avviz legali huwa ħolqa f’katina twila ta’ decizjonijiet fejn il-Gvern ħa bil-ħsieb prinċipali jkunu dak li jkompli jdgħajjef il-Kunsilli Lokali f’pajjiżna, bħal meta sentejn ilu kien iddeċieda li jwaqqaf elezzjonijiet ta’ Kunsilli Lokali, t-teħid tal-poteri dwar l-infurzar bit-twaqqif tal-LESA u responsabbiltajiet relatati mat-toroq u l-ġbir tal-iskart.

Dawn l-azzjonijiet kollha juru kif il-Partit Laburista qatt emmen fil-Kunsilli Lokali u d-devoluzzjoni tal-poter. Mill-banda l-oħra il-Partit Nazzjonalista mhux biss welled u kabbar il-Kunsilli Lokali kull meta kien fil-Gvern iżda mill-Oppozizzjoni wkoll qed jerga’ jkun it-tarka u l-vuċi tagħhom b’mod ċar meta tressqu 80 proposta għar-riforma, li qed tiġi diskussa fil-Parlament. Il-PN, fil-ħolqien u t-twaqqif tal-Kumitati Amministrattivi fl-aħħar riforma li saret bejn l-2010 u l-2011 kien u għadu jemmen li dawn għadhom jiffurmaw parti minn proċess ta’ devoluzzjoni tal-poter skond il-prinċipju bażiku tas-sussidjarjetà.