Lokali

Indjan isofri minn ġrieħi serji wara li waqa’ minn għoli fuq vapur

Mill-arkivji

Ilbieraħ għall-ħabta tas-sitta ta’ filgħaxija ddaħal raġel l-Isptar Mater Dei għall-kura wara li sofra xi ġrieħi waqt li kien fuq vapur.

Minn investigazzjonijiet li saru mill-Pulizija rriżulta li r-raġel li huwa Indjan ta’ 39 sena waqa’ minn għoli waqt li kien fuq vapur fl-ibħra Maltin.

Il-vittma ddaħħal Malta permezz ta’ ħelikopter tal-Forzi Armati ta’ Malta u ttieħed lejn il-bazi ta’ Ħal Luqa fejn kien hemm ambulanza li ħaditu l-Isptar sabiex jingħata aktar kura.

Aktar tard, il-Pulizija ġiet infurmata li r-raġel qiegħed isofri minn ġrieħi serji.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija fuq dan il-każ għadhom għaddejjin.