Lokali

“Inħarsu l-patrimonju ta’ Ħal Balzan” – Adrian Delia

“Hemm bżonn li ngħożżu l-wirt li ħallew ta’ qabilna biex b’hekk jitħares il-patrimonju li huwa mżejjen bih Ħal Balzan.”

Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia fi tmiem żjara f’Ħal Balzan fejn kellu l-opportunità jiltaqa’ ma’ diversi residenti u sidien ta’ negozji li ddiskutew miegħu l-iżvlupp ta’ din il-lokalità.

Huwa kien akkumpanjat mill-Viċi Kap tal-PN David Agius, mill-kordinatur politiku Jean Pierre Debono, deputati kif ukoll diversi kandidati għall-elezzjonijet li se jsiru f’Mejju, kemm dik tal-Parlament Ewropew kif ukoll tal-Kunsilli Lokali.

Waħda mill-preokkupazzjonijiet li ssemmiet waqt il-laqghat f’Ħal Balzan kienet iż-żieda fil-popolazzjoni, il-bini bla rażan, u d-djar li qed jaqgħu u minflokom jinbnew blokok ta’ appartamenti.

Dan ifisser li minn familja waħda, spiċċaw joqogħdu ħames jew sitt min-nies…b’rizultat li Hal Balzan qed jara iktar karozzi u inqas parkeġġ. Dan kollu huwa parti mill-progress iżda rridu naraw li dan l-iżvilupp isir b’għaqal, sostna l-Kap tal-PN.

Adrian Delia qal ukoll li l-Kunsill ta’ Ħal Balzan b’maġġoranza Nazzjonalista ħadem bis-sħiħ tul is-snin, b’mod partikolari f’dan l-aħħar erba’ snin, fejn saru diversi proġetti u ttieħdu diversi inizjattivi għall-ġid tar-residenti.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem dwar il-fatt li l-effiċjenza tal-Kunsill ġiet imtappna mhux ftit bil-ħidma li kienet mistennija ssir mill-Gvern. Bil-Gvern spiċċa biex ħoloq inkonvejnti kbar fosthom fir-rikostruzzjoni ta’ Triq il-Wied fejn kaxkar saqajh sabiex dan il-proġett jitlesta.

Minn dan l-aġir toħroġ id-differenza bejn Gvern li jara lin-nies bħala numri u l-Partit Nazzjonalista li jrid li l-politika tiegħu tkun imfassla man-nies u għan-nies.

Adrian Delia temm jgħid li l-grupp ta’ kandidati li l-PN qed jippreżenta għall-elezzjonijiet ta’ Mejju li ġej, huwa grupp formidabbli li l-poplu Balzani jista’ jafdah u li żgur dawk eletti, se jissoktaw b’ħidma sfieqa fl-aħjar interess tal-Balzanin kollha.