Id-dikjarazzjoni tal-Ministru Owen Bonnici li l-Prosekutur Ġenerali se jinħatar mill-Gvern tmur kontra l-ispirtu tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja, li kkonkludiet kif jeħtieġ li l-ħatriet fl-istituzzjonijiet ikunu tassew indipendenti. Il-PN fi stqarrija qal li din hija turija ċara li wara li għamel żmien twil jirreżisti t-tibdiliet meħtieġa għat-tisħiħ tas-saltna tad-dritt, il-Gvern Soċjalista kellu jaċċetta r-rakkomandazzjonijiet li sarulu mill-Kummissjoni Venezja kontra qalbu, u mhux għaliex verament irid jibdel ir-rotta u jħalli l-istituzzjonijiet liberi li jiffunzjonaw.
Il-Kummissjoni Venezja qalet li l-Prim Ministru f’Malta qed jaħtaf poter kbir f’idejh u li l-ebda istituzzjoni mhi tagħmel xogħolha sewwa u tara li ma jkunx hemm konċentrazzjoni ta’ poter f’idejn individwu wieħed. Ikkonkludiet ukoll dak li ilhom jgħidu ġuristi Maltin, li l- Prim Ministru qed jagħmel ħatriet li mhumiex tassew indipendenti.
Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja, li huma simili għal dawk li l-Oppożizzjoni ilha tisħaq fuqhom, jitkellmu fuq l-indipendenza tal-ħatriet u tal-istituzzjonijiet u mhux dawk li suppost li qegħdin hemmhekk biex jirrappreżentaw lill-poplu jispiċċaw jingħatżlu biss bil-kriterju li huma qrib tal-Prim Ministru jew tal-Gvern Soċjalista.
Dan speċjalment meta l-Kummissjoni Venezja kkonkludiet li l-Prim Ministru għandu ferm aktar poter mill-istituzzjonijiet li suppost qegħdin hemm jikkontrollawh u allura f’pajjiżna m’hawnx sistema ta’ checks and balances għal iggvernar tajjeb.
Filwaqt li l-Partit Nazzjonalista jaqbel mar-rakkomandazzjonijiet kollha tal-Kummissjoni Venezja jrid li dawn jiddaħlu fil-Kostituzzjoni u l-liġijiet anċillari malajr kemm jista’ jkun u li l-ħatriet tal-President tar-Repubblika u l-Kummissjonijiet imsemmija fil-Kostituzzjoni jibdew jinħatru biż-żewġ terzi tal-Kamra tad-Deputati.
//= $special ?>