Sport Sport Ieħor

Podju għal Sue Abela u Sara Xuereb fil-kategorija individwali tan-nisa waqt il-Kampjonat tal-Mediterran

Iż-żewġ plejers Maltin Sue Abela u Sara Xuereb spiċċaw fit-tieni u t-tielet post fil-kategorija tas-singles waqt il-Kampjonat tal-Mediterran li qed isir f’pajjiżna. Abela ġabet total ta’ 1327 punt filwaqt li ż-żagħżugħa Xuereb temmet b’1253 punt.

Georgia Sagona tal-Greċja rebħet il-kompetizzjoni wara li ġabet 16-il punt aktar minn Abela, b’total ta’ 32 parteċipant jieħu sehem f’din il-kategorija. L-aħjar rawnd ta’ Abela mis-sitta fil-kompetizzjoni, kien it-tieni wieħed b’total ta’ 245 punt iżda qatt ma qabżet il-Griega. L-aħjar rawnd ta’ Xuereb kien it-tieni wieħed ukoll b’total ta’ 234 punt.

Malta qed torganizza dawn il-Kampjonati għat-tielet darba. Din it-22 edizzjoni attirat numru rekord ta’ parteċipanti, b’total ta’ 16-il pajjiż qed jieħdu sehem. Il-Portugall, il-Kosovo u l-Eġittu qed jikkompetu għall-ewwel darba.

It-tim Malti li qed jipparteċipa hu l-istess wieħed li ħa sehem fl-aħħar edizzjoni fit-Turkija. Għalhekk it-tim hu magħmul minn Sua Abela, Sara Xuereb, Mauro Anastasi u Justin Caruana Scicluna, b’tal-aħħar qed jiddefendi l-midalja tad-deheb li rebaħ is-sena l-oħra. Sue Abela hi l-unika bowler li pparteċipat fl-edizzjonijiet kollha u hi wkoll l-aktar atleta li rebħet midalji tad-deheb f’dawn il-Kampjonati.

Iċ-Ċerimonja tal-Ftuħ saret it-Tnejn. Fatt interessanti kien li għall-ewwel darba l-President tal-World Bowling Sheik Talal Mohammed Al Sabah attenda għaċ-Ċerimonja tal-Ftuħ.

Il-programm ta’ logħob

Illum      Singles

L-Erbgħa 3 ta’ April      Doubles

Il-Ħamis 4 ta’ April       Mixed Doubles

Il-Ġimgħa 5 ta’ April     Team x4

Is-Sibt 6 ta’ April           Masters