Fil-mument l-Air Malta qed tikri żewġ ajruplani u mit-Tlieta, il-linja nazzjonali Maltija bdiet tikri ajruplan ieħor tal-għamla Boing 737, li ilu fis-suq kważi 22 sena. B’sorsi qrib sew tal-industrija jgħidulna li dan l-ajruplan partikolari se jkun eqdem mill-flotta tal-ajruplani preżenti tal-Air Malta.
L-istess sorsi spjegawlna eżatt kif inhi s-sitwazzjoni prezenti fl-Air Malta. Pereżempju, il-vjaġġ minn Vjenna bit-titjira KM514 se jkun qed juża ajruplan mill-Estonja li kważi ilu jopera 16-il sena, intant ukoll it-titjira KM992 Malta-Bristol se ssir b’ajruplan li ilu jopera 24 sena. Dan se jkun qed jirrotorna lura wara li kien mikri lill-AirMalta, issa se jkun hemm sostitut tiegħu l-ajruplan li ilu jopera 22 sena. Dan kollu sabiex il-kumpannija tipprova tlaħħaq mal-iskeda “impossibbli” li ħolom biha Konrad Mizzi u n-nies li poġġa’ miegħu fl-Air Malta.
Is-sitwazzjoni kurrenti fil-linja nazzjonali tal-ajru qed tkun waħda tedjanti ferm għall-bosta passiġieri hekk kif it-Tnejn kellna każ ta’ 9 sigħat stennija għall-persuni li qabdu t-titjira minn Katanja għal Malta.
Dan il-każ jidher li hu xempju ta’ dak li ġej hekk kif skont sorsi qrib l-Air Malta, se jkun prattikament impossibbli li l-flotta ta’ ajruplani li qed taħdem bihom l-Air Malta tagħti servizz effiċjenti bin-numru ta’ rotot li żdiedu fl-aħħar ġimgħat.
Għalhekk l-unika triq għall-Air Malta hija li tikri ajruplani qodma li uħud minnhom ilhom kważi joperaw 25 sena sħaħ. Dan qed iwassal ukoll biex il-linja nazzjonali tal-ajru tidħol fi spejjes addizzjonali minħabba n-nuqqas ta’ ppjanar.
//= $special ?>