Futbol Sport

Tikber il-possibbiltà li Herrera jħalli lil Man United

Diversi rapporti fil-media internazzjonali qed isostnu li l-midfielder Ander Herrera jista’ jħalli lil Manchester United biex fi tmiem il-kuntratt tiegħu jingħaqad ma’ Paris Saint-Germain. L-Ispanjol beda n-negozjati mal-klabb sena u nofs ilu iżda baqa’ ma ntlaħaq l-ebda ftehim.

Jidher li l-midfielder ta’ 29 sena jippreferi jibqa’ jilgħab f’Old Trafford iżda mhux kuntent dwar kif il-klabb dam biex jinnegozja kif ukoll l-offerta li saret lilu. Bħalissa Herrera għandu salarju ta’ €93,000 iżda jidher li jixtieq madwar €175,000.

Herrera hu wieħed mill-plejers l-aktar li ilu mal-klabb u kull staġun dejjem ta s-sehem tiegħu fosthom fl-aħħar żmien taħt it-tmexxija ta’ Ole Gunnar Solskjaer. Juan Mata jidher li jinsab fl-istess sitwazzjoni tiegħu u l-possibbiltà li jitlaq hi wkoll tajba.

Ir-Red Devils għadhom iridu jsolvu wkoll il-kwistjoni marbuta mal-gowlkiper li hu wkoll Spanjol David De Gea. Il-klabb Ingliż ħa l-għażla li jġedded il-kuntratt awtomatikament b’sena iżda għadhom ma laħqux ftehim biex jiġġedded il-kuntratt.

Mhux eskluż ukoll li Marcus Rashford u Paul Pogba li huma meqjusa fost l-aktar plejers importanti fit-tim, jitolbu wkoll żieda fil-kuntratti rispettivi.