Lokali Parlament

Fiduċja sħiħa fil-liġi elettorali, però ma rridux ninsew lill-Maltin li jgħixu barra l-pajjiż

Id-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina semma ħames punti mportanti dwar il-liġi elettorali li qed tiġi diskussa fil-Parlament. Il-fiduċja, l-effiċjenza, ċ-ċertezza, s-segretezza tal-vot u l-Maltin li jgħixu barra l-pajjiż ma jkollhomx xkiel biex huma jivvutaw u jesegwixxu r-rieda ħielsa tagħhom.

Meta tkellem dwar il-fiduċja tenna li kull vot li jiġi mitfugħ wara li jkun immarkat għandu jirrifletti l-għażla popolari mhux biss tal-maġġoranza, imma wkoll tal-minoranza. Minn nofs is-snin tmenin kien hemm regola li jrid ikun hemm il-fiduċja ta’ xulxin u faħħar ix-xogħol tal-membri kollha tal-Kummissjoni Elettorali.

Huwa qal li hemm fiduċja sħiħa għax għandna sistema li tawna l-Ingliżi biex iġġelduna, liema sistema dawwarniha favur tagħna, għamilnija li tagħmel sens u li tirrifletti l-iskop ta’ kif wieħed jivvota. Illum lanqas noħolmu li nimxu mas-sistema Ngliża preżenti.

Dwar il-punt tal-effiċjenza, qal li xi ħaġa li se tinbidel hija l-proċess li konna drajna bih, proċess li ma jispiċċa qatt bħal l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew li konna nkaxxkru sal-4.00 p.m. B’aktar żveltezza nevitaw ħafna tensjonijiet, speċjalment meta niġu għall-elezzjonijiet tal-UE.

Dwar iċ-ċertezza, wieħed mhux se joqgħod biss fuq l-elettronika, proċess kompjuteriżżat l-aktar għat-trasferiment tal-voti, imma li l-partiti jistgħu jiflu l-proċess u jiċċekkjawh. Se jkun hemm żbalji? Iva dak dejjem, imma se jkunu evitati kemm jista’ jkun.

Ir-raba punt dwar is-segretezza tal-vot, li wieħed irid joqgħod attent dwaru, għal bidu fis-diskussjonijiet kien se jkun hemm problema, imma grazzi għar-rieda tajba mi-żewġ naħat, l-affarijiet imxew, u llum jekk wieħed jikser is-segretezza dwar il-vot, hemm pieni aktar ħorox. Fejn qabel il-multa kienet tlaħħaq l-1,000 ewro din telgħet għal 10,000 ewro u minn xahar priġunerija, din telgħet għal 12-il xahar priġunerija.

Il-Partit Politiċi wara erba’ siegħat mhux se jkollhom aċċess għall-polza tal-vot, għaliex dan għandu jibqa’ sigriet, jiġifieri mhux se jkun hemm ebda data fuq kif u min ivvota. Finalment Karol Aquilina qal li punt importanti li mhux qied fil-liġi huwa dwar il-Maltin li jgħixu barra.

Fl-aħħar elezzjoni kienu tliet partiti li tkellmu fil-programmi elettorali tagħhom. Il-proposti kienu simili u lkoll tajbin. Il-Partit Soċjalista kien qal li hemm bżonn li nagħtu l-opportunita’ lil dawk li jgħixu barra l-pajjiż biex jivvutaw f’ambaxxati barranin, il-Partit Nazzjonalista qal li l-vot jista jinxteħet bil-posta filwaqt li l-Alternattiva Demokratika kienet qalet li l-Maltin li jgħixu barra għandhom jivvutaw f’ambaxxati jew konsulati l-aktar fil-viċin ta’ fejn ikunu.

Karol Aquilina temm jgħid li wasal iż-żmien li nsibu soluzzjoni għal pajjiżna u dan billi nitkellmu bejnietna. Irridu nkomplu nibnu l-fidużja ta’ xulxin u li ħadd ma joqgħod jissuspetta fuq ħadd, u li din tista’ taħdem kontrih.

Hemm bżonn li d-diskussjoni ssir bejn erba’ partiti llum minħabba l-importanza li l-Maltin ta’ barra ma nagħmlulhomx ostakolu u li jeżerċitaw id-dritt tagħhom mingħajr skumdita’ u li jaqbel ukoll għall-pajjiż li ma jogħodx jidħol fi spejjeż żejda.