Filwaqt li l-Gvern Soċjalista Malti jiftaħar li mhux qed jidħlu dgħajjes bl-immigranti lejn pajjiżna, fir-realta’ mijiet ta’ immigranti Afrikani qed jiġu mill-Italja sabiex jaħdmu f’Malta.
Dan joħroġ minn sensiela ta’ intervisti li saru mill-ġurnal Taljan Corriere della Sera hekk kif crew ta’ dan il-ġurnal kien f’Malta biex jinvestigaw is-sitwazzjoni.
Immigranti intervistati mill-ġurnal Taljan qalu li l-kelma mal-immigranti Taljani qed tiġri: li f’Malta jistgħu jaħdmu.
U għalkemm dawn qed jaħdmu għal tlieta jew erba’ ewro fis-siegħa, f’kundizzjonijiet li huma ftit aħjar minn dawk ta’ ilsiera, għall-immigranti dawn il-kundizzjonijiet huma attraenti ħafna.
Il-ġurnal ikompli li filwaqt li pubblikament il-Gvernijiet tal-Italja u ta’ Malta jidhru jikkustinjaw fuq l-immigrazzjoni, iż-żewġ pajjiżi huma komdi bis-sitwazzjoni, b’mijiet ta’ immigranti li m’għandhomx xogħol fl-Italja jiġu Malta biex jissodisfaw l-aktar id-domanda fil-qasam tal-kostruzzjoni.
Corriere della Sera intervista ukoll lill-Ministru tal-Intern Michael Farrugia li sostna li immigranti bil-permess ta’ residenza maħruġ mill-Italja ma jistgħux jaħdmu. Iżda f’intervista oħra, l-Avukat Ahmed Bugri sostna li hemm bejn erba’ u sitt elef immigrant – iktar minn 90 fil-mija tal-immigranti Afrikani li jaħdmu fis-settur tal-kostruzzjoni f’Malta – ġejjin mill-Italja.
Dawn l-immigranti, filwaqt li huma realta’ kbira għas-settur tal-bini, ma huma reġistrati imkien u ħadd mill-awtoritajiet ma jaf bihom. Imbghad, il-problemi jibdew meta dawn l-immigranti jimirdu jew iweġġgħu fuq il-post tax-xogħol u jiġu bżonn is-servizz tas-saħħa.
//= $special ?>
