Lokali

Ir-Rapport Greco hu kundanna oħra għall-Gvern Soċjalista – Adrian Delia

Ir-Rapport Greco hu kundanna oħra għall-Gvern Soċjalista, li qed jhedded id-demokrazija, jaħtaf l-istituzzjonijiet u jkisser ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna. Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt attività politika fin-Naxxar, bit-tema Flimkien għal Pajjiżna.

Adrian Delia qal li r-Rapport Greco jgħid ċar u tond li filwaqt li f’pajjiżna hawn l-istituzzjonijiet, l-effettività tagħhom tinsab fid-dubju wara bosta każijiet u allegazzjonijiet li jikkonċernaw l-integrità ta’ persuni għolja fil-Gvern. Qal li r-Rapport jagħti raġun lill-Oppozizzjoni, li issa ilha tgħid li f’pajjiżna hawn il-Liġijiet, li iżda mhux qed jitħaddmu sew. Tenna li l-Gvern ċeda għall-pressjoni qawwija li saritlu mill-Oppozizzjoni u kellu jippubblika r-Rapport għax il-Gvern Malti ried jaħbih.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li r-Rapport ikkonkluda li l-istituzzjonijiet m’għandhomx kuraġġ, kontabbiltà u l-mezzi reali biex jaqdu dmirijiethom. L-aktar kundanna iebsa fuq il-Gvern Soċjalista hi meta jingħad li f’pajjiżna hawn il-perċezzjoni li l-appoġġ politiku jipprevali fuq l-infurzar tal-liġi u l-interess ġenerali.

Meta l-Gvern Soċjalista kien tela’ bl-għajta ta’ Malta Tagħna Lkoll, minflok, pajjiżna spiċċa maħkum mill-ftit qrib ta’ Kastilja, li biex jipproteġu lil dawk fil-poter, joħorġu spins, gideb u allegazzjonijiet fil-konfront tal-Kap tal-Oppożizzjoni, f’attentat biex iwaqqfuh milli jkompli jiġġieled il-korruzzjoni.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Gvern Soċjalista diġà qed juri li minkejja dawn ir-rapporti kollha minn istituzzjonijiet internazzjonali u Ewropej li jikkundannawh, mhux lest jagħmel it-tibdiliet li verament hemm bżonn.

Dan meta l-Prosekutur Ġenerali se jintagħżel direttament mill-Gvern, kontra l-ispirtu tar-rakkomandazzjonijiet li saru mill-Kummissjoni Venezja, li kkritikaw il-poter esaġerat tal-Prim Ministru u l-ħtieġa li l-ħatriet ikunu indipendenti. Iżda l-Oppożizzjoni se tibqa’ tiġġieled u topponi lill-Gvern f’kull attentat li se jagħmel biex ikompli jkisser id-demokrazija f’pajjiżna.

Adrian Delia tenna li pajjiżna għandu sfidi kbar quddiemu u fl-elezzjonijiet ta’ Mejju li ġej, il-poplu għandu l-opportunità jwassal messaġġ ċar lill-Partit Soċjalista: li jrid id-demokrazija, li l-istituzzjonijiet ikunu ħielsa u t-tisħiħ tas-saltna tad-dritt.

L-attività politika kienet indirizzata wkoll mis-Sindku tan-Naxxar Anne Marie Muscat Fenech Adami, li qalet li Kunsill Lokali mmexxi minn maġġoranza Nazzjonalista jrid jibqa’ l-vuċi tar-residenti kollha f’diversi setturi, fosthom l-Ambjent.

Tkellem ukoll Michael Mercieca, Kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, li qal li fil-25 ta’ Mejju għandna opportunità li nivvutaw f’żewġ elezzjonijiet li ħadem għalihom biss il-Partit Nazzjonalista: il-Kunsilli Lokali u l-Parlament Ewropew.

Sadanittant, fi tmiem l-attività politika, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista inawgura mill-ġdid il-Każin tal-Partit fin-Naxxar wara xogħolijiet ta’ tisbiħ li sarulu.