Lokali

“Iż-żieda fil-popolazzjoni hi ta’ piż fuq is-settur tas-saħħa” – Paul Pace

Fis-settur tas-saħħa bħalissa hemm nuqqas ta’ madwar 600 infermier. U din il-problema se tkompli tikber minħabba ż-żieda fil-popolazzjoni ta’ pajjiżna.

Hekk sostna l-President il-gdid tal-MUMN Paul Pace waqt intervista fuq il-programm Net Live…hekk kif hu irritorna fit-tmexxija ta’ din il-union wara nuqqas ta’ 4 snin.

Matul l-intervista, hu spjega kif f’Mater Dei m’għandek ebda sala li għandha n-numru ta’ infermiera meħtieġa. Fl-Isptar tal-Onkoloġija ukoll hemm il-problemi; l-istaff niżel b’iktar min-nofs, għalhekk il-piż ta’ xogħol fuq dawn il-professjonisti qiegħed dejjem jiżdied.

Paul Pace spjega li qed nispiċċaw nimpjegaw iktar infermiera barranin, fosthom Pakistani u Indjani. Din qed toħloq problema ta’ komunikazzjoni l-iktar ma’ pazjenti anzjani.

Minkejja l-isforzi tal-MUMN biex jiżded in-numru ta’ infermiera, xorta waħda fis-settur tas-saħħa għadna niddependu fuq infermiera barranin għaliex l-istudenti mhux qed ikunu mħajra biżżejjed biex jidħlu għal xogħol f’dan is-settur.

Il-President tal-MUM senfasizza l-fatt li ż-żieda fil-popolazzjoni qed tkun ta’ piż kbir fuq is-settur tas-saħħa. Fiċ-Ċentri tas-Saħħa kif ukoll fl-Isptar Mater Dei qed ikun hemm żieda qawwija ta’ barranin li jmorru jinqdew minn hemmhekk.

Il-President tal-MUMN qal illi wħud mill-problemi prinċipali li qed jaffaċċjaw l-infermiera huma relatati mal-leave, kif ukoll ir-responsabbiltà ikbar ta’ constant watch fuq il-pazjent.