Lokali

ILLUM se jkun ippubblikat ir-rapport Greco

Rapport li jagħti kundanna ħarxa lill-Gvern Soċjalista ta' Joseph Muscat

Wara l-pressjoni qawwija li saret mill-Oppożizzjoni biex jiġi ppubblikat ir-rapport tal-Greco, il-Gvern kellu jċedi u jawtorizza li jippubblika dan ir-rapport. L-Oppożizzjoni issa qed tistenna li r-rapport tal-Greco jiġi ppubblikat b’mod sħiħ, u li immedjatament jidħol fis-seħħ it-tibdil kollu li hemm bżonn għat-tisħiħ tas-saltna tad-dritt.

Kif ġie rrappurtat fil-midja, ir-rapport tal-Greco kkonkluda li s-sistema ġudizzjarja ta’ pajjiżna tinsab ipparalizzata sakemm l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna se jibqgħu maħkuma mill-Gvern. Il-Greco kkonkluda wkoll li għandhom isiru sforzi ferm akbar biex il-ġlieda kontra l-korruzzjoni titteħed b’serjetà. Jidher ċar li dak li ilu jgħid il-Partit Nazzjonalista dwar it-tiġrif tas-sistema tal-ġustizzja f’Malta qiegħed jiġi kkonfermat għal darb’oħra, din id-darba mill-entità tal-Kunsill tal-Ewropa mwaqqfa sabiex tiġġieled il-korruzzjoni fil-pajjiżi Ewropej, li l-Gvern Soċjalista kemm-il darba fil-passat ikkwota u faħħar għal xogħolha.

Ir-rapport tal-Greco jikkritika l-fatt li ma ttieħdet l-ebda azzjoni dwar il-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u jiġi kkritikat ukoll għaliex għadu qed jirrifjuta inkjesta pubblika dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, kif ilu jitlob il-Partit Nazzjonalista. 

Il-konklużjonijiet ta’ dan ir-rapport huma ta’ importanza nazzjonali u se jkollu konsegwenzi fuq pajjiżna u l-Gvern Soċjalista ma jistax jibqa’ jkaxkar saqajh biex idaħħal fis-seħħ it-tibdil kollu li qalulu bosta istituzzjonijiet internazzjonali u Ewropej oħrajn bħall-Kummissjoni Ewropea u l-Venice Commission, li huma l-istess rakkomandazzjonijiet li l-Partit Nazzjonalista issa ilu jisħaq dwarhom għat-tisħiħ tas-saltna tad-dritt.