Knisja Lokali

Maħtur Isqof ta’ San Ġakbu Appostlu fil-Perù

Il-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku ħatar lil Fr Giovanni Cefai MSSP bħala Isqof ta’ San Ġakbu Appostlu fil-Huancané, fil-Perù. Huwa se jkun l-ewwel Isqof mis-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl kif ukoll l-ewwel Isqof mir-raħal żgħir taż-Żebbuġ, Għawdex.

Fr. Giovanni Cefai MSSP, għandu 51 sena u twieled iż-Żebbuġ, Għawdex. Huwa attenda l-iskola primarja taż-Żebbuġ mill-1972 sal-1978, l-Iskola Sekondarja fin-Nadur u mbagħad ir-Rabat, Għawdex sal-1983 . Wara, huwa segwa kors ta’ inġinerija mekkanika fl-Istitut Tekniku Għawdex u fl-1984 ingħaqad mas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl fir-Rabat Malta – Soċjetà mwaqqfa minn Mons Guzeppi De Piro.

Huwa beda Novizzjat tiegħu fl-1985 iż-Żebbuġ, Għawdex. Bejn l-1986 u l-1988 huwa kompla l-istudji tiegħu u l-formazzjoni fil-College London, filwaqt li kein involut fl-esperjenza pastorali billi ħadem f’diversi ħabsijiet kif ukoll fit-toroq ta’ Londra.

Mill-1990 sal-1996 huwa studja l-Filosofija u t-Teoloġija fl-Università ta ‘Malta. Fl-1997 kien ordnat saċerdot fil-Katidral ta’ Għawdex mill-Isqof ta’ Għawdex ta’ dak iż-żmien Nicholas Cauchi. Wara l-ordinazzjoni tiegħu, huwa kompla l-istudji superjuri tiegħu fl-Università ta’ Malta u fl-1999 iggradwa fit-Teoloġija Pastorali.

Wara, inħatar Direttur tal-De Piro Youth Centre għal sentejn. Fl-2000 mar l-Irlanda għal aktar studji u fejn segwa kors fl-Edukazzjoni Pastorali Kliniċi. Fit-ritorn tiegħu lejn Malta fl-2001, kien mibgħut il-Peru bħala qassis missjunarju. Sena wara nħatar bħala Kappillan fil-Arċidjoċesi ta’ Arequipa u serva bħala Kappillan ta’ żewġ Parroċċi differenti għall-aħħar 18-il sena.

Fl-2010 inħatar Superjuri Provinċjali għall-MSSP fil-Perù, fejn serva għal tliet termini konsekuttivi, b’kollox disa’ snin.