Futbol Sport

Atalanta jitilgħu punt taħt Milan

(Ritratt: EPA)

Atalanta jinsabu punt taħt Milan u post fiċ-Champions League staġun ieħor meta b’wirja mill-aqwa ġabu fix-xejn lil Bologna b’rebħa ta’ 4-1 f’darhom. Il-Bergamasci għalqu l-logħba fl-ewwel fażi tagħha b’erba’ gowls fl-ewwel kwarta.

Kien JOSIP ILICIC li fetaħ l-iskor wara tliet minuti b’xutt sabiħ minn barra l-kaxxa fir-rokna ta’ fuq, bl-istess JOSIP ILICIC jirdoppja tliet minuti wara b’xutt b’saħħtu bil-lemin fuq it-tieni lasta, li ħabat mal-wieqfa qabel daħal fix-xibka.

HANS HATEBOER għamilhom 3-0 fid-disa’ minuta meta rċieva ballun quddiemu u għeleb lil Lukasz Skorupski b’xutt djagonali fil-baxx. DUVAN ZAPATA skorja r-raba’ gowl fil-15-il minuta b’azzjoni personali u b’xutt fin-naħa ta’ fuq tax-xibka, biex skorja l-20 gowl fil-kampjonat.

Bologna skorjaw il-gowl ta’ konsolazzjoni fl-54 minuta bi free-kick fuq l-ewwel lasta ta’ RICCARDO ORSOLINI.

F’logħba oħra, Sassuolo għamlu pass importanti lejn is-salvazzjoni matematika b’rebħa ta’ 4-0 fuq Chievo fil-Mapei Stadium, bit-tim minn Verona jkompli joqrob lejn is-Serie B.

MERIH DEMIRAL ta vantaġġ doppju lil Sassuolo, l-ewwel b’daqqa ta’ ras wara erba’ minuti, u b’daqqa ta’ ras qabel tmiem l-ewwel taqsima. MANUEL LOCATELLI għalaq il-logħba fis-47 minuta minn quddiem il-lasta, biex DOMENICO BERARDI għamilhom erba’ għaxar minuti wara b’xutt fil-baxx mill-kaxxa.