Internazzjonali

Ir-Renju Unit: Pressjoni fuq May biex testendi l-proċess tal-Brexit

Ir-rappreżentanti Konservattivi fil-Gvern u l-Laburisti fl-Oppożizzjoni komplew għat-tieni jum bit-taħditiet bit-tama li jiżblukkaw it-triq għall-Brexit u wara li d-deputati fil-House of Commons ivvutaw – b’maġġoranza ta’ wieħed – biex il-Prim Ministru Theresa May titlob estensjoni għall-proċess tat-tluq tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea.

Il-mozzjoni li ressqet id-deputat Laburista Yvette Cooper għaddiet mill-Parlament fi ftit sigħat u l-House of Lords (li jrid jagħti l-approvazzjoni biex il-mozzjoni tkun implimentata bħala liġi) qed jiddibatti jekk jikkunsidrax l-issue. Filwaqt li l-mozzjoni għall-estensjoni tal-Brexit hi maħsuba biex tevita sitwazzjoni ta’ ‘no-deal’ ma’ Brussell, id-deċiżjoni dwar jekk tingħatax l-estensjoni trid tittieħed mill-UE.

It-taħditiet, f’nofs il-ġimgħa, dwar il-Brexit bejn il-Prim Ministru May u l-Kap Laburista Jeremy Corbyn kienu mfissra bħala ‘kostruttivi’ iżda, fl-istess ħin, kienu kritikati minn deputati fuq iż-żewġ naħat tal-kamra – b’żewġ ministri jirriżenjaw b’konsegwenza.

Sadanittant, is-Segretarju għall-Brexit, Stephen Barclay, waqt diskors lid-deputati f’Londra, esprima tama li l-House of Lords ‘jevalwa l-abbozz li għadda bl-għaġġla mill-Parlament, irrispettivament min-nuqqasijiet fuq livell kostituzzjonali’.

Barclay qal li ma hemm ‘l-ebda garanzija’ li r-Renju Unit ma jieħux sehem fl-elezzjonijiet ta’ Mejju għall-Parlament Ewropew filwaqt li tenna li ‘din il-parteċipazzjoni għandha titqies bħala tradiment, minbarra li tiswa ta’ ħsara kbira’.

Sadanittant, il-Kanċillier tal-Finanzi, Philip Hammond, qed jistenna li l-UE tinsisti għal posponiment fit-tul għall-Brexit. Iżda waqt li Hammond fisser il-possibbiltà ta’ vot pubbliku biex japprova kwalunkwe ftehim finali bħala ‘propożizzjoni kredibbli’, is-Segretarju għas-Saħħa, Matt Hancock, wieġeb li hu kontra dan il-vot pubbliku u li ma jixtieqx estensjoni twila għall-proċess tal-Brexit.

It-tentattiv ta’ Yvette Cooper biex ir-Renju Unit jevita ħruġ mill-UE mingħajr ftehim għadda bi 313 vot kontra 312. L-abbozz tal-leġislazzjoni għandu jġiegħel lil Theresa May titlob estensjoni għall-proċess ta’ Artiklu 50 (għall-Brexit) ‘il hinn mit-12 ta’ April minbarra li jagħti l-poter lill-Parlament biex jiddeċiedi dwar id-dewmien li jiġi mitlub.

Sadanittant, Michel Barnier, in-negozjatur tal-UE dwar il-Brexit, tkellem b’mod pożittiv dwar id-djalogu bejn il-partiti politiċi Britanniċi u qal li ‘wasal iż-żmien għal deċiżjoni’. Madankollu, il-Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea, Jyrki Katainen, qal li minkejja l-aħħar sforzi fil-House of Commons teżisti xorta possibbiltà kbira ta’ no-deal Brexit.