Lokali

George Vella jindirizza l-bżonnijiet urġenti tas-soċjetà fl-ewwel messaġġ tiegħu bħala President

Appella biex ikompli il-proċess tal-aġġornament tal-kostituzzjoni

It-tabib taż-Żejtun. Maħbub minn bosta. Għandu 76 sena u issa, President tar-Repubblika.

George Vella inħatar l-għaxar President tar-Repubblika ta’ Malta f’ċerimonja li saret fil-Palazz Presidenzjali fil-Belt Valletta.

F’messaġġ li wassal eżatt wara l-ħatra tiegħu, George Vella ma tantx qagħad jomgħod il-kliem u ffokka d-diskors tiegħu fuq il-pjaga tal-faqar u d-diffikultajiet li qed jaffaċċjaw diversi familji f’pajjizna.

Kellu wkoll messaġġ ċar li l-ħajja għandha tiġi rispettata mill-bidu sat-tmiem naturali tagħha.

Indirizza wkoll il-problemi li qed jaffaċċja l-ambjent f’pajjiżna, kemm minħabba l-bini b’ritmu mgħaġġel imma wkoll minhabba t-tniġġis tal-arja.

Appella wkoll biex ikompli il-proċess tal-aġġornament tal-kostituzzjoni, waqt li wiegħed ħidma fost oħrajn favur l-edukazzjoni, iż-żgħażagħ, is-settur tas-saħħa u fuq kollox l-għaqda nazzjonali.

Iċ-ċerimonja tal-ġurament ta’ George Vella bħala s-suċċessur ta’ Marie Louise Coleiro Preca kienet issiġillata bil-firem tiegħu fuq l-Istrumenti tal-Ħatra bħala Kap tax-Xirka Ġieħ ir-Repubblika u tal-Ordni Nazzjonali tal-Meritu, kif ukoll fis-Sħubija tal-Ordni fil-grad ta’ Kumpann tal-Unur.