Lokali

“Id-Demokrazija għandha tkun ibbażata fuq is-sewwa u l-għatx għall-ġustizzja” – Mons. Charles J Scicluna

“Meta nfittxu l-għerf biex nagħrfu s-sewwa u nwettquh, inkunu qegħdin ninvestu fl-aqwa ġid. Il‐prosperità ekonomika ta’ pajjiż titqiegħed fuq sisien sodi daqskemm min immexxiha jfittex l-ewwel li jħaddan l-atteġġjamenti marbuta mal-għerf u s-sewwa. Hekk ukoll ir-reputazzjoni tal-pajjiż: tissaħħaħ u tikber daqskemm l-ewwel valuri li nħaddnu jkunu dawk tal-integrità , tal-ġustizzja u tas-solidarjetà “.

Kliem l-Arċisqof Charles J Scicluna waqt l-omelija fl-okkażżjoni taċ-ċelebrazzjoni tal-ħatra tal-President George Vella.

L-Arċisqof kien qed jirreferi għall-ewwel qari fejn Salamun, Bin David, mistoqsi minn Alla x’jixtieq, wieġeb li jixtieq għerf u għaqal.

L-Arċisqof silet ukoll mill-messaġġ tal-Papa Franġisku għal Jum il-Paċi din is-sena fejn qal li t-tfittxija għall-poter akkost ta’ kollox twassal għal abbużi u inġustizzji,u li l-politika hija mezz biex tissawwar iċ-ċittadinanza. Izda li jekk mhux mogħtija bħala servizz, issir għodda ta’ oppressjoni, emarġinazzjoni u qerda.

L-Arċisqof ikkowota wkoll il-‘beatitudnijiet tal-politiku’ tal-Kardinal Vjetnamiż François–Xavier Nguyễn Vãn Thuận, li miet fl-2002.

Hieni l-politiku li għandu għarfien għoli u profond tar-rwol tiegħu.

Hieni l-politiku li l‐persuna tiegħu hi mera ta’ kredibbiltà .

Hieni l-politiku li jħabrek b’risq il‐ġid komuni u mhux għall-interess personali tiegħu.

L-Arċisqof Charles J Scicluna ikkonkluda billi qal li r-rwol fundamentali tal-President tar-Repubblika huwa li bil-kliem, bil-ġesti u bl-eżempju jfakkarna li l-politika hija fuq kollox servizz, qadi, mingħajr ma wieħed iħares lejn l-uċuħ, izda b’sens kbir tad-dover, sens qawwi tal‐Istat u b’qalb kbira mimlija mogħdrija

L-Arċisqof awgura George Vella fil-ħatra tiegħu u qal li fih bħala President għandna naraw il-persuna li tinkoraġġina nħarsu, napprezzaw u nippromwovu dak kollu li hu tajjeb u sabiħ fostna, dak kollu li hemm bżonn jibqa’ jitgawda mill-ġenerazzjonijiet futuri.