Futbol Sport

Jiġi rtirat l-istrajk tar-referees wara li ntlaħaq ftehim bejn l-MFA u l-MFRA

(Ritratt: Martin Agius)

Il-logħbiet kollha li jaqgħu taħt l-MFA għal din il-ġimgħa se jkunu qed jintlagħbu b’mod regolari hekk kif intlaħaq ftehim bejn l-MFA u l-MFRA dwar iż-żieda li għandhom jieħdu r-referees mill-istaġun li ġej. Dan il-ftehim għadu jrid ikun approvat mill-Kumitat Eżekuttiv tal-MFA, bis-seduta li jmiss se ssir fil-11 ta’ April, bil-laqgħat kienu ilhom għaddejjin għal sitt xhur.

L-assoċjazzjoni tar-referees kienu qed jagħmlu din it-talba minħabba li l-aħħar żieda li ħadu kienet fl-2011 ftit xhur wara li Norman Darmanin Demajo kien sar President tal-MFA.

Fi stqarrija, l-MFRA qalet li “wara kważi sitt xhur diffiċli ħafna, ntlaħaq ftehim u se ningħataw iż-żieda tant mistħoqqa.” Huma rringrazzjaw lill-erba’ intermedjarji li rrappreżentaw lill-MFRA u komplew li issa hu ż-żmien li jħallu l-problemi warajhom u jiffukaw fuq tmiem l-istaġun.

L-Erbgħa filgħodu kienet ħarġet stqarrija mill-MFRA biex l-ebda referee affiljat mal-MFRA ma jikkontrolla logħbiet tal-MFA, sakemm ma jkunx hemm deċiżjoni li tikkanċella din id-deċiżjoni.

Din id-deċiżjoni kienet ftit sorprendenti għaliex fl-istess stqarrija kien intqal li l-Malta Football Association kienet waslet fi ftehim fil-prinċipju fuq numru ta’ punti fl-aħħar laqgħa li saret bejn iż-żewġ partijiet it-Tlieta filgħaxija. Illum saret laqgħa oħra li jidher ikkonfermat dan il-qbil.

Tags