Sport Sport Ieħor

Luxol pass bogħod mir-rebħ tal-kampjonat tal-futsal

(Ritratt: Joe Borg)

Luxol kisbu t-tieni rebħa konsekuttiva fil-finali tal-play-off tal-Elite hekk kif għelbu lil Valletta 5-2 għat-tieni darba fi ftit jiem. Huma marru fil-vantaġġ f’nofs l-ewwel taqsima permezz tal-Brażiljan Leanderson Sant’ Anna Coriolano biex awto-gowl ta’ Andrè Ciancio daħħal lil Luxol b’vantaġġ doppju fil-ħin tal-mistrieħ.

Id-distakk kompla jikber fil-ftuħ tat-tieni taqsima permezz ta’ Marwan Telisi u sitt minuti wara l-captain Mark Zammit għamilhom 4-0. Il-logħba twaqqfet parzjalment hekk kif partitarju ta’ Valletta qabeż fil-court iżda ġie immedjatament maħruġ mill-Padiljun mill-membri tal-Pulizija.

L-iskor sar 5-0 ftit wara b’Nicola Del Re jniżżel ismu wkoll fost l-iskorers. Valletta tefgħu kollox fuq l-attakk b’Dylan Musu jkun utilizzat bħala flying keeper bi bdil kontinwu mal-gowlkiper Brandon Debono. Huma rnexxielhom inaqqsu d-distakk b’żewġ gowls minn Shawn Vella u Andrè Ciancio.

It-tielet logħba tal-finali tintlagħab għada fit-8.15pm fil-Padiljun Sportiv ta’ Kordin. Jekk Luxol jirbħu wkoll din il-logħba jkunu nkurunati Champions tal-futsal lokali.