Futbol Sport

Malta megħluba mir-Rumanija fl-ewwel partita ta’ ħbiberija minn tnejn

It-tim nazzjonali Malti tan-nisa tilef 2-0 fl-ewwel logħba ta’ ħbiberija minn tnejn kontra r-Rumanija f’Bucharest. It-tim Malti bħalissa jinsab għal kamp ta’ taħriġ ta’ ġimgħa fir-Rumanija. F’din il-logħba, il-kowċ nazzjonali Mark Gatt ta d-debutt liż-żagħżugħa Haley Bugeja li bdiet mill-bidu filwaqt li Veronique Mifsud għamlet id-debutt bħala sosistuta.

Fl-ewwel minuti, ir-Rumanija bdiet tattakka filwaqt li t-tim Malti kien aktar kawt u beda jopera bil-kontrattakk u jipprova jkun perikoluż minn free-kick jew korners. Ir-Rumeni fetħu l-iskor fil-41 minuta b’Ioana Balaceanu ttemm azzjoni maħduma tajba biex għelbet lil Janice Xuereb b’xutt mill-ewwel.

Ir-reazzjoni tat-tim Malti kważi wasslet biex inkiseb id-draw qabel tmiem l-ewwel taqsima. Haley Bugeja daħlet fil-kaxxa b’direzzjoni lejn il-lasta iżda x-xutt tagħha għadda ftit barra.

Il-gowlkiper Maltija spikkat meta salvat tajjeb daqqa ta’ ras mill-viċin wara korner. Xuereb reġgħet kienet fl-azzjoni biex salvat xutt mill-bogħod ta’ Maria Ficzay. Ir-Rumanija rduppjat sitt minuti mit-tmiem b’Maria Faczy tiskorja bir-ras minn korner. It-tieni impenn tat-tim Malti kontra r-Rumanija jkun il-Ħadd li ġej fl-10.00am ħin ta’ Malta.