Lokali

Min hu George Vella?

Il-President George Vella, twieled iż-Żejtun u għandu 76 sena. Huwa ħa l-edukazzjoni tiegħu fl-iskola primarja taż-Żejtun u ggradwa bħala Tabib fl-1964 mir-Royal University of Malta. Huwa miżżeweġ lil Miriam, missier ta’ tlett itfal Claire, Elaine u George Junior, u kif ukoll nannu ta’ seba’ neputijiet. 

George Vella ilu involut fil-politika għal iktar minn 40 sena. Huwa kkontesta l-ewwel elezzjoni fl-1976 u tela’ fil-Parlament għall-ewwel darba sentejn wara f’elezzjoni każwali fuq it-Tielet Distrett.

Minn dakinhar baqa’ jiġi elett fuq l-istess distrett sal-elezzjoni tal-2013 bl-eċċezzjoni tal-elezzjoni tal-1987.

Fl-1992 huwa m’aċċettax li jieħu t-tmexxija tal-Partit Laburista iżda nħatar deputat mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament, u baqa’ kelliem Ewlieni għall-Affarijiet Barranin u Ewropej sas-sena 2013.

F’Ottubru tal-1996 huwa ġie appuntat deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Ambjent; rwol li baqa’ jokkupa sal-1998 meta waqa’ l-Gvern ta’ Alfred Sant.

It-tabib Vella rtira mix-xena politika f’Ġunju 2017 wara li ma kkontestax l-aħħar elezzjoni ġenerali.

Tul is-snin li dam fil-kariga ta’ Ministru għall-Affarijiet Barranin George Vella mexxa bosta laqgħat fosthom is-summit tal-mexxejja Ewropej u Afrikani, il-konferenza tal-kapijiet tal-Istat tal-Commonwealth fl-2015 u l-Presidenza ta’ Malta tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fl-2017.

George Vella se jkun it-tieni tabib li jokkupa l-kariga ta President ta’ Malta wara Ċensu Tabone ….u l-ewwel persuna miż-Żejtun fl-ogħla kariga fil-pajjiż.Tul il-karriera tiegħu huwa ġie onorat b’diversi titli fosthom mir-Reġina Eliżabetta II meta f’Novembru li għadda onoratu bhala Kavallier tal-Ordni ta’ San Mikiel u San Ġorġ. L-unur ingħatalu personalment mid-Duka ta’ Kent, li jiġi l-kuġin tar-Reġina.