Sport Sport Ieħor

Riżultati pożittivi għaċ-ċiklisti Maltin f’Ċipru

Fl-aħħar jiem, diversi ċiklisti Maltin kisbu riżultati pożittivi fil-Grand Fondo li saru fiż-żona ta’ Pafos f’Ċipru. It-tim tan-nisa ffurmat minn Marie Claire Aquilina, Lara Buttigieg u Anjelika Balzan Ruggier spiċċaw fl-ewwel post fil-klassifika tat-timijiet.

It-tim Malti ffurmat minn Etienne Bonello, William Hili, Jason Vella, Brandon Sultana, Clive Bugeja u Mariano Cassar spiċċa fit-tielet post fil-klassifika tal-irġiel. It-tlielaq kienu jikkonsistu f’tlielaq kontra l-ħin u żewġ tlielaq fit-triq.

Parteċipazzjoni wkoll għat-tim Malti b’ċiklisti l’ fuq minn 50 sena, bit-tim magħmul minn Joseph Micallef, Steve Mifsud, Kenneth Caruana, Justin Gauci u Ryan Spiteri.

Marie Claire Aquilina kienet l-aħjar ċiklista femminili mill-Maltin. Hi spiċċat b’rebħa fit-Time Trial fil-kategorija bejn l-40 u l-44 sena u fit-tellieqa fit-triq kellha tikkuntenta bir-raba’ post wara ħsarat mekkaniċi. L-għada hi spiċċat ukoll it-tielet fl-istess kategorija u t-tielet overall.

Etienne Bonello kien l-aħjar mit-tim maskili. Hu spiċċa t-tieni fil-kategorija bejn l-40 u l-44 sena kif ukoll it-tieni overall. William Hili spiċċa l-ewwel mill-Maltin fil-kategorija elita bejn id-19 u t-33 sena. Hu kien segwit minn Jason Vella u ż-żagħżugħ Għawdxi Brandon Sultana.

Is-Segretarju Ġenerali tal-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu Joe Bajada flimkien mad-delegat Edward Enriquez mexxew il-grupp Malti għal dawn it-tlielaq.