Futbol Sport

Stefano Sanderra jwissi li Hibernians iridu jitjiebu fid-difiża

Wara tliet draws konsekuttivi kontra Ħamrun Spartans, Sliema Wanderers u Mosta, Hibernians ma jistgħux ifallu aktar punti fl-isfida tagħhom għar-rebħ tal-kampjonat. Birkirkara jinsabu wkoll f’sitwazzjoni ta’ bżonn kbir ta’ punti hekk kif għadhom qed jissieltu għar-raba’ post li jista’ jfisser post fl-Ewropa staġun ieħor.

Il-kowċ Taljan Stefano Sanderra jaħseb li dan hu perjodu normali u probabbilment kienu mdorrijin tajjeb wisq li jirbħu spiss, iżda wissa li għandhom bżonn jagħtu l-massimu biex jirbħu. Hu qal li jridu jitjiebu fid-difiża għaliex qed isofru wisq gowls.

Sanderra sostna diversi drabi matul l-istaġun li ma kienx l-għan ta’ Hibernians li jisfidaw għar-rebħ tal-kampjonat. Minkejja dan, it-Taljan qal li ma għandhomx jikkuntentaw b’dak li għandhom, iżda dejjem għandhom jippruvaw jiksbu l-massimu.

“Il-klassifika ma tigdibx. Nafu li hi logħba diffiċli għaliex il-Hibs urew x’isarrfu, iżda jekk l-approach ikun bħal tas-Sliema u nkunu konċentrati, fiduċjuż li niksbu riżultat pożittiv,” qal Mark Buttigieg.

Il-kowċ ta’ Birkirkara żied li hu konxju li għandhom difiża soda iżda attakk li mhux qed jipproduċi biżżejjed gowls. Birkirkara kienu ilhom rawnd ma jirbħu kontra tim min-naħa ta’ fuq, fatt li Buttigieg iddeskriva bħala “att psikoloġiku li għelibna.”

Preżenti wkoll fil-konferenza stampa, il-gowlkiper Andrew Hogg mistenni jilgħab l-ewwel logħba tiegħu kontra Hibernians wara li telaqhom f’Jannar li għadda. Hu qal li hu plejer professjonali u għalih ma tagħmilx differenza kontra min jilgħab.

Bjorn Kristensen tkellem dwar il-mument riċenti tal-klabb. Hu qal li fl-aħħar tliet logħbiet li spiċċaw draw kienu minn taħt darbtejn u għalhekk iridu jtejbu l-prestazzjonijiet jekk iridu jirbħu kontra Birkirkara. Il-midfielder ta’ Hibernians qal li l-filosofija tal-klabb hi li jkun hemm dejjem tim magħqud u jemmen li dik hi l-akbar saħħa tagħhom f’dan l-istaġun.