Sport Sport Ieħor

Suċċess għal Valletta Subbuteo Club fl-Ingilterra

Valletta Subbuteo Club komplew jispikkaw fix-xena internazzjonali tat-Table Football b’suċċess fil-Grand Prix tal-Ingilterra li sar f’Heckmondwike. Għat-tim Belti dan kien it-13-il suċċess fi Grand Prix, b’sebgħa minnhom jintrebħu f’pajjiżna.

It-tim ta’ Valletta Subbuteo Club kien iffurmat minn Derek Conti, Samuel Bartolo, Jurgen Balzan u l-Ingliżi Christian Short u Gerald Edwin Brightwell. Jakkumpanjaw lit-tim kien hemm il-President tal-klabb Felix Rizzo u s-Segretarja Monalita Balzan.

Fil-kompetizzjonijiet individwali, Derek Conti rebaħ il-kategorija Open filwaqt li Samuel Bartolo spiċċa semifinalist. Jurgen Balzan spiċċa fl-ewwel post fil-kategorija ta’ taħt id-19-il sena.

Valletta SC rebħu l-kategorija tat-timijiet. Huma kisbu rebħa diffiċli ta’ 2-1 kontra t-tim Belġjan As Hennuyer fis-semifinali biex fil-finali ltaqgħu mat-tim Awstrijak TSC Royal 78 Kaisermuhlen.

Kienet logħba missielta sal-aħħar fuq iż-żewġt imwejjed bl-iskor ikun 2-2. Kienet ir-rebħa ta’ 3-0 li Jurgen Balzan kellu fuq Elliot Bellefontaine u r-rebħa ta’ 1-0 ta’ Samuel Bartolo fuq Alexander Haas li wasslu għar-rebħa finali.

Intant fl-aħħar jiem ukoll, il-plejer Malti Massimo Cremona kien qed jipparteċipa fl-Open Internazzjonali ta’ Ruma. Fil-kategorija Open hu wasal sal-kwarti tal-finali filwaqt li rebaħ il-kategorija tat-timijiet mat-tim tiegħu Napoli Fighters.